Kummerċ Lokali

Charlene Dalli Mintoff appuntata Direttur fuq il-bord ta’ Retail Marketing Ltd.

Charlene Dalli Mintoff ġiet appuntata Direttur fuq il-board ta’ Retail Marketing Ltd, li tmexxi Welbee’s Supermarkets. Hija tiħu post missierha, l-imprenditur ewlieni u veteran fil-qasam Ray Mintoff.

Dalli Mintoff ilha involuta fl-industrija sa minn età ċkejkna, b’kontribut għan-negozju tal-familja Shoppers Supermarket, li iktar tard kien sar Valyou Supermarket, biex iżjed tard ingħaqad ma’ seba’ supermarkets oħra bl-isem ġdid ta’ Welbee’s. Sussegwentement hija ġiet appuntata ukoll bħala l-ewwel Head of Sales and Marketing tal-grupp.

“Onorata li qed nidħol għal din l-isfida u responsabilità ġdida, hekk kif l-industrija tagħna tkompli tevolvi sabiex twieġeb għall-bżonnijiet dejjem jinbidlu tal-klijenti tagħna, filkuntest tal-ambjent li noperaw fih. Aħna kburin li naqdu l-bżonnijiet ta’ klijentela dejjem iktar eżiġenti. Il-valur u l-kwalità ser jibqgħu fiċ-ċentru tal-missjoni tiegħi hekk kif niħu post missieri, li dejjem irsista sabiex joħloq sinerġiji f’oqsma differenti sabiex dejjem jippromwovi l-industrija tas-supermarkets, filwaqt li jkabbar kultura ta’ lealtà tal-klijent” qalet Dalli Mintoff.

Charlene Dalli Mintoff tiħu post missierha Ray Mintoff li huwa negozjant ewlieni filqasam tas-supermarkets u l-industrija FMCG b’esperjenza ta’ 45 sena. Hija ġiet appuntata għal fuq il-board f’isem il-familja Mintoff, waħda mill-azzjonisti tan-negozju. Fit-tmiem ta’ karriera twila, Ray Mintoff irringrazzja lil dawk kollha li taw sehem f’dan il-vjaġġ, filwaqt li awgura kull suċċess u tkabbir lin-negozju fil-futur.