Lokali Qorti

Erba’ żgħażagħ ħatja li ħarqu vann wara li nqabdu f'”car chase” mill-Pulizija fl-inħawi tal-Mellieħa

Tliet żgħażagħ maskili u tfajla li kienu nqabdu mill-Pulizija wara “car chase” f’Jannar tal-2019 fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu qalb diversi toroq bejn il-Mellieħa u l-Wardija fuq diversi reati fosthom dwar serq ta’ karozza u ħruq ta’ vann instabu ħatja mill-Maġistrat Gabriella Vella u ngħataw sentenzi li jvarjaw minn dak ta’ servizz fil-kommunità u probation. Dan ukoll fuq rakkomandazzjoni ta’ uffiċjali tal-probation li għamlu valutazzjoni fuq l-akkużati.

Iż-zgħażagħ, Joel Falzon, ta’ 26 sena minn Ħal Safi, Danika Cilia ta’ 25 sena mir-Rabat, Sylvan Cilia ta’ 23 sena mis-Siġġiewi u Paul Farrugia 31 sena, wkoll Siggiewi li tliet snin ilu kienu ta’ età aktar tenera, kienu qed juzaw karozza Mercedes, li serqu mingħand sid il-van stess ġimgħatejn qabel il-‘car chase’.

Il-każ kellu l-bidu tiegħu ftit qabel nofs il-lejl tas-27 ta’ Jannar ta’ tliet snin ilu. Karozza tal-għamla Mercedes dehret tieqaf quddiem propjeta privata biswit il-kastell ta’ Selmun. Fiha kien hemm tliet ġuvintur u tfajla. Ħin minnhom, dawn ħarġu mill-karozza u dehru iduru ma’ vann pick-up.

Sid il-pick-up, li dak il-ħin kien fid-dar, innota liż-żgħażagħ qed ixerdu l-fjuwil mal-pick-up. Kien hawn li ċempel lill-Pulizija għall-għajnuna, u minnufih fuq il-post intbgħatu tliet vetturi tar-Rapid Intervention Unit. Madankollu huma kienu laħqu taw in-nar u ħarbu minn fuq il-post.

Fil-ħin li l-vettura tal-RIU imblukkat it-triq li tagħti għan-niżla tax-Xemxija mar-roundabout, żewġ karozzi oħra daħlu lejn il-Kastell ta’ Selmun. Kif raw il-Mercedes ħierġa ‘l barra b’veloċita eċċessiva, tal-RIU daru u bdew isegwu liż-żgħażagħ.

Malli waslu fejn ir-roundabout li tagħti għall-Mellieħa, il-karozza, biż-żgħażagħ, baqgħet ħierġa bi speed qawwi lejn il-by-pass tal-Mellieħa, segwita minn tal-RIU. Kien hawn, li mar-roundabout kienet qed iddur karozza misjuqa minn mara li ma ndunatx bil-Pulizija, bil-konsegwenza li seħħet ħabta mal-vettura tal-Pulizija.

Mad-daqqa il-karozza tal-mara inqelbet fuq is-saqaf. Waqt li l-mara inħarġet mill-vettura bl-għajnuna tal-istess pulizija, il-pulizija l-oħra komplew isegwu l-Mercedes bl-erba’ żgħażagħ ġo fiha. Il-“car chase” baqgħet sejra tul il-by-pass tal-Mellieħa, biż-żgħażagħ jibqgħu sejrin lejn il-Manikata.

Minn hemm ġibdu lejn Għajn Tuffieħa. Bil-pulizija jibqgħu jsusu warajhom, huma ġibdu lejn ix-Xemxija, sakemm daru għal ġo Triq Ġnien Borġ, li jagħti għal Wardija. Kien hawn li ġew iċċirkondati mill-Pulizija u l-ġirja spiċċat wara li ħabtu f’ċint, fil-ġenb tat-triq. L-erba’ żgħażagħ ġew arrestati u ttieħdu mill-ewwel lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Kienu ntbagħtu wkoll il-membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jikkontrollaw in-nar. Mill-istħarriġ tal-Pulizija li sar irriżulta li l-Mercedes li kienu qed jużaw iż-żgħażagħ insterqet fit-12 ta’ Jannar tal-istess sena fil-Mellieħa, minn garaxx ta’ sid il-vann li ngħata n-nar . Il-pjanċi li kienu imwaħħlin ma’ din il-vettura ukoll kienu nsterqu fix-xahar ta’ qabel minn vettura oħra tal-għamla Mercedes, meta kienet ipparkkjata fir-Rabat.

Il-Qorti sabithom ħatja li volontarjament taw n-nar lill-vettura u li f’dawn il- gżejjer assoċjaw ruħhom ma persuna jew persuni bil-għan li jagħmlu delitt li għalih hemm ukoll piena ta priġunerija; Joel Falzon u Sylvan Cilia instabu ħatja li fil lejl ta bejn il- 4 u 5 ta’ Dicembru 2018 ġewwa r-Rabat Malta, serqu ta sett pjanċi ta reġistrazzjoni.

Joel Falzon waħdu nstab ħati talli fit 28 taż nJannar 2019 għall-ħabta tal-10.50pm. saq vettura b manjiera perikoluża bla kont u traskurata u li kkaguna ħsara involontarja fuq il-karozza li taqbeż l-2,500 ewro għad dannu ta’ sidha u li saqha bi pjanċi ta reġistrazzjoni li ma jappartjenux lil dik il- vettura, u li saqa’ meta ma kienx kopert b polza tal- assikurazzjoni/

Il-Qorti fis-sentenza tagħha fil-konfront ta’ Joel Falzon ikkundannatu ai termini ta’ l-Artikolu 11 tal-Kap. 446 tal- Liġijiet ta’ Malta, minflok ma tagħtih sentenza ta’ priġunerija poġġietu taħt Ordni ta’ Servizz fil-Komunità billi jagħmel xogħol bla ħlas għal 200) siegħa f’dak il- post u skond l-arranġamenti li jsiru mill-Uffiċju tal-Probation u Parole. Huwa ġie wkoll skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien ta’ tliet xhur mid-data tas-sentenza. 

Danika Falzon ġiet ikkundannata għall-perijodu ta’ sentejn probation mid-data ta’ din is-sentenza. Sylvan Cila gie ikkundannat taħt Ordni ta’ Probation għall-perjodu ta’ tliet snin mid-data tas-sentenza. Ai termini ta’ l-Artikolu 412D tal-Kap.9 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Qorti qed tqiegħed lill-istess imputat taħt Ordni ta’ Trattament għall-perijodu ta’ tliet snin.

Paul Farrugia gie ikkundannat ai termini ta’ l-Artikolu 11 tal-Kap. 446 tal-Liġijiet ta’ Malta, minflok sentenza ta’ priġunerija u mqiegħed taħt Ordni ta’ Servizz fil-Komunità billi jagħmel xogħol bla ħlas għal 100 siegħa f’dak il-post u skond l-arranġamenti li jsiru mill-Uffiċju tal-Probation u Parole. Il-Qorti poġġietu wkoll taħt Ordni ta’ Trattament għall-perijodu ta’ sentejn. f

Il-Qorti kkundannat ukoll lil Joel Falzon, Sylvan Cilia u Paul Farrugia jħallsu lir-Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Kriminali is-sehem tiegħu li jammontaw għal €518.97 kull wieħed. Ikkundannat ukoll lil Joel Falzon, Danika Falzon Sylvan Cilai u Paul Farrugia jħallsu lir-Reġistratur tal- Qrati u Tribunali Kriminali is- somma ta’ €1,458.53 kull wiehed. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Goswin Scerri.