Basketball Sport

Hibernians jibdew il-finali bir-rebħ

Colin Schembri

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa – FINALI

Hibernians 77

Caffè Moak Luxol 53

(27-8)(12-16)(17-12)(21-17)

Hibernians: E. Farrugia, I. Agius 2, Y. Bonett 13, A. Van Vliet 4, S. Brincat 7, J. Abela 12, C. Camilleri, K. Jenkins 25, N. Farrugia 6, K. Caruana 6, K. Conti, J. Dabic 2.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace 4, V. Selvaggi, S. Pace 5, M. Mercieca 2, F. Camilleri, H. Galea, P. Marcal 21, A. Borg, P. Ellul 2, M. Camilleri, J. Diaby 9, A. Fenech Pace 10.

Referees: Daniela Torok, Nicky Azzopardi, Iounut Ciurariu.

L-ewwel finali mil-kampjonat Mapfre MSV Life tan-nisa bejn Hibernians u Caffè Moak Luxol marret favur it-team ta’ Raħal Ġdid hekk kif huma ħarġu rebbieħa 77-53. Hibs kellhom bidu mill-aqwa fil-partita u bnew vantaġġ li żammew tul il-partita kollha bil-Luxol ibatu biex jagħmlu l-punti kontra d-difiża organizzata tal-Hibs li għalqu tajjeb taħt il-board. Iż-żewġ timjiet kellhom il-formazzjoni kompluta hekk kif Luxol irkupraw ukoll lil Mandi Mercieca. Fl-ewwel taqsima Hibs għamlu xejn inqas minn seba’ trippli fosthom tlieta ta’ Ylenia Bonett.

Huma marru 11-8 minn fuq fejn minbarra Bonett kien hemm ukoll it-trippli ta’ Sam Brincat u Jasmine Abela fil-waqt li għal Luxol kienet biss Palmira Marcal li għamlet il-punti b’nofshom jaslu mill-free-throw line. Hawn Hibs għamlu run ta’ 16-0 fosthom erba’ three pointers konsekuttivi minn Bonett, Abela u Ashleigh Van Vliet biex temmew l-ewwel sessjoni 27-8 minn fuq. Fit-tieni taqsima, wara baket inizzjali minn Bonett għal Hibs, Luxol taw ħjiel li se jirkupraw meta għamlu break ta’ 12-1 bil-punti ta’ Marcal, Paula Ellul, Sarah Pace u Anna Fenech Pace u naqqsu d-distakk għal 10 punti 20-30. Hibs irkupraw minn dan il-mument diffiċli meta għamlu disa’ punti mingħajr risposta mill-ġdid bi trippli ta’ Abela u daħlu jistrieħu 39-24 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, ż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex il-vantaġġ tal-Hibs baqa’ ta’ 13 -il punt 43-30. Hibs komplew b’run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Brincat biex reġgħu marru 22 minn fuq u żammew vantaġġ ta’ 20 punt sa’ tmiem il-perjodu 56-36. Fl-aħħar taqsima l-vantaġġ ta’ Hibs kiber għal 25 punt hekk kif kellhom diversi punti tal-Amerikana Kenyotta Jenkins.

Luxol tħabtu biex jagħmlu l-iskor aktar rispettabli u renexxielhom jagħqqdu run ta’ 10-3 bil-punti ta’ Josephine Diaby, Anna Fenech Pace u trippla ta’ Marcal. Sa’ tmiem il-partita, ż-żewġ coaches għamlu diversi sostituzzjonijiet biex taw ħin lill-players ta’ fuq il-bank fejn fost l-oħrajn Hibs kellhom żewġ trippli ta’ Naomi Farrugia u għalqu l-partita bil-punti ta’ Kirsty Caruana biex ħarġu rebbieħa 77-53.