Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ir-Russja ‘irrabjata u inkwetata’ dwar l-isħubija potenzjali tal-pajjiżi Skandinavi fin-NATO

Ir-Russja – li ilha toħroġ messaġġi ta’ theddid fil-konfront tal-Finlandja u l-Iżvezja – reġgħet wissiet dwar ‘miżuri mhumiex speċifikati’ f’każ li l-ż-żewġ pajjiżi Skandinavi jabbandunaw il-politika antika  tan-non-alineament militari u jibdew uffiċjalment il-proċess lejn sħubija fin-NATO.

Il-possibbiltà li l-Finlandja u l-Iżvezja jsiru parti mill-Alleanza tal-Punent bilfors li qiegħda tħasseb u tinkwieta lill-President Russu Vladimir Putin u l-Kremlin. Fil-fatt, l-osservaturi tar-Russja ilhom jgħidu li Putin dejjem kellu ‘l-ossessjoni’ biex in-NATO ma tespandix lejn l-artijiet eqreb tar-Russja u issa jidher li ‘l-agħar xenarju għalih se jkun irrealizzat’.

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li jistenna li l-proċess għall-isħubija tal-Finlandja u l-Iżvezja fl-Alleanza ‘għandu jitmexxa malajr u mingħajr intoppi’.

Min-naħa tagħhom, il-President Finlandiż Sauli Niinisto u l-Prim Ministru tal-Finlandja Sanna Marin qalu li filwaqt li jridu jagħtu żmien lill-poplu tagħhom biex jiddiskuti l-issue, il-ħin, issa, qiegħed jagħfas għal deċiżjoni.

Huma jafu l-isħubija fin-NATO issaħħaħ l-Alleanza sħiħa li kienet twaqqfet għal skopjiet ta’ difiża – bil-President Niinisto itenni li l-politika ġdida ta’ Helsinki hi dovuta kollha kemm hi għall-aggressjoni min-naħa tal-Kremlin.

‘Li pajjiż jissieħeb man-NATO ma jfissirx li qed jiddikjara gwerra fuq xi ħadd,’ qal Niinisto, waqt li sostna li ‘it-Tmexxija Russa għandha tħares waħda sew lejn il-mera’ għaliex kienet hi li kkaġunat it-taqlib u l-inċertezza għall-Istati ġirien u għall-Ewropa.