Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Is-sejbiet kontinwi tal-katavri flimkien ma’ abbużi oħra jistgħu jammontaw għal reati tal-gwerra

 

Il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, Michelle Bachelet, qalet li ‘il fuq minn 1,000 katavru ta’ nies ‘immassakrati’ kienu rkuprati, fl-aħħar ġimgħat,minn diversi zoni fil-madwar ta’ Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.

Dan meta żdiedu l-indikazzjonijiet li l-qawwiet tar-Russja ma żammewx lura mill-qtil indiskriminattiv ta’ ċivili fl-artijiet Ukreni li  okkupaw għal ġranet sħaħ u sakemm kienu kostretti li jirtiraw mill-inħawi.

In-Nazzjonijiet Uniti ilha tivverifika allegazzjonijiet ta’ abbużi u reati kontra l-umanità min-naħa tat-truppi Russi mindu r-Russja invadiet lill-Ukrajna fl-24 ta’ Frar.

Intant, Bachelet qalet li ħafna ‘mill-provi’ li qed jinkixfu għandhom jammontaw għal reati tal-gwerra – għalkemm hi fl-ebda ħin ma użat il-kelma ‘ġenoċidju’.

Il-Kummissarju  esprimiet in-niket tagħha għax-xeni traġiċi li qed ifeġġu fl-artijiet lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Kiev u fejn sa ftit ilu kien hemm preżenza qawwija tat-truppi tal-Kremlin.

‘L-iskala tal-qtil illegali, fosthom is-sinjali tal-esekuzzjonijiet tan-nies fuq il-post, huma tassew xokkanti’, qalet Michelle Bachelet waqt li kienet qed tkellem lill-Human Rights Council ibbażat f’Ġinevra, fl-Iżvizzera.

Filwaqt li l-Kummissarju għandha informazzjoni dwar ‘talanqas 300 każ ta’ qtil arbitrarju ta’ ċivili Ukreni’, iċ-ċifra tal-vittmi għandha tiżdied aktar ma jfeġġu provi ġodda relatati mal-gwerra tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Michelle Bachelet spjegat li l-qtil taċ-ċivili Ukreni kemm-il darba deher li kien intenzjonat u li seħħ taħt idejn is-suldati u s-snipers tar-Russja.

‘Numru sostanzjali ta’ ċivili innoċenti nqatlu huma u jaqsmu t-triq jew f’każi fejn huma ħarġu mix-xelters biex ifittxu l-ikel u l-ilma’, sostniet Bachelet. Hi anki rreferiet għal każi oħrajn fejn ħafna ċivili nqatlu brutalment u mingħajr l-ebda provokazzjoni mis-suldati ta’ Vladimir Putin.

F’ħafna sitwazzjonijiet, numru ta’ Ukreni mhumiex armati nqatlu għaliex is-suldati Russi suspettaw li huma kienu qed jappoġġjaw lill-qawwiet tal-Ukrajna — inkella għaliex rawhom bħala  theddida potenzjali. Spikkaw ukoll is-sinjali ta’ tortura fuq il-vittmi tar-Russi u li juru li dawn in-nies kienu suġġetti għal ‘martirju sħiħ’ qabel inqatlu.