Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Suldati Russi jinqabdu qed joqtlu ċ-ċivili fuq is-CCTV

Fl-aħħar sigħat ħarġu aktar provi tal-atroċitajiet li l-qawwiet Russi qegħdin iwettqu fuq il-poplu ċivili tal-Ukrajna.

Dan meta qed jiċċirkola filmat tas-CCTV cameras li juru fid-dettall il-mument meta żewġ irġiel Ukreni (li ma kenux armati) spiċċaw il-vittmi tat-truppi tar-Russja li sparaw għal fuqhom għal xejn b’xejn u bl-aktar mod brutali.

Wieħed mill-irġiel tilef ħajtu fuq il-post waqt li l-ieħor spiċċa jmut aktar tard mill-ġrieħi li ġarrab. Intant, il-filmat qed ikun investigat mill-prosekuturi Ukreni bħala reat tal-gwerra.

L-inċident seħħ waqt l-eqqel tal-ġlied madwar Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna u meta l-battalji bejn ir-Russi u l-Ukreni kenu qed jinfirxu  fil-madwar tal-belt.

Intant, il-video juri biċ-ċar il-ħin meta suldati tar-Russja, wara li dehru qed ikellmu b’mod normali lill-vittmi tagħhom, qabdu u sparaw lejn iż-żewġ Ukreni li kienu b’darhom lejhom. Ir-Russi, wara, daħlu jisirqu minn ħanut li jbiegħ ir-roti u fejn wieħed mill-irġiel Ukreni ( li miet aktar tard mill-ġrieħi li ġarrab) kien qed jaħdem bħala gwardjan tas-sigurtà.

Qabel miet, il-gwardjan irnexxielu jiżgiċċa għal ftit lis-suldati u l-investigaturi issa qed jippruvaw jistabbilixxu s-sekwenza sħiħa ta’ kif żviluppa l-inċident brutali. Dan meta numru ta’ Ukreni qegħdin jipprovdu wkoll l-informazzjoni dwar dak li seħħ tassew fis-sit – b’kollox jindika li l-qattiela Russi ma ndunawx li kienu qed jinqabdu fuq il-filmat tas-CCTV.