Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Ifeġġu ‘l-ewwel każi’ tal-Covid-19

Il-Korea ta’ Fuq qed twettaq lockdown mill-aktar strett fuq bażi nazzjonali wara li kkonfermat l-ewwel infezzjonijiet bil-Covid-19.

Dan waqt li l-media tal-Istat komunista rappurtat inċidenza tal-varjant Omicron fil-kapitali Pyongyang u mingħajr ma żveat in-numru tal-każi.

Il-Korea ta’ Fuq, s’issa, ċaħdet kwalunkwe tip ta’ programmi tal-vaċċin għal kontra l-Covid u fejn irrifjutat ukoll l-għajnuna ta’ pajjiżi oħra. Il-pajjiż komunista, minflok, għalaq il-fruntieri tiegħu, bl-awtoritajiet ma jirreġistraw qatt każ wieħed tal-Covid qabel l-aħħar sigħat.

Madankollu l-esperti jemmnu li l-Covid ilu talanqas sentejn preżenti fil-Korea ta’ Fuq. Dan meta l-popolazzjoni tal-pajjiż — ikkalkulata mal-25 miljuni – tinsab partikularment vulnerabbli wara li l-Gvern komunista fi Pyongyang ċaħad anki l-offerti tal-komunità internazzjonali biex tissupplixxi miljuni ta’ tilqim matul is-sena li għaddiet.

Fl-istess ħin, kollox jindika li s-sistema tas-saħħa fil-Korea ta’ Fuq mhix attrezzata biex tikkonfronta l-epidemiji tal-Covid-19 fost il-poplu.

Madankollu, il-media komunista qalet li l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un ħalef li jeqred il-virus f’pajjiżu, bl-istess media, issa, qed tirreferi għall-Covid bħala l-kaġun ta’ emerġenza fuq bażi nazzjonali

Intant, fl-aħħar sigħat, kien ikkonfermat li fl-Istati Uniti mietu ‘il fuq minn miljun b’konsegwenza ta’ kumplikazzjonijiet ikkaġunati mill-virus.

Il-President Amerikan Joe Biden qal li l-pajjiż qed jirrikonoxxi dan l-iżvilupp traġiku u li kull mewta mill-Covid qed titqies bħala telfa irreparabbli għall-pajjiż.

L-imwiet mill-Covid fl-Istati Uniti jammontaw għall-ogħla total ta’ vittmi mill-marda f’pajjiż partikulari. Fl-istess ħin, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa temmen li jistgħu jeżistu ċifra oħrajn jerġa’ ogħla ta’ imwiet mill-Covid fi bnadi oħra tad-dinja.