Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex 2,400 par karkur jiġu distrutti mid-dwana għax huma ta’ marka falsifikata

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti ordnat biex 2,400 par karkur li waslu Malta s-sena l-oħra jiġu distrutti minħabba li huma ta’ marka falsifikata. Id-ditta Nike Innovate C.V. minn Oregon l-Istati Uniti permezz tal-Avukat tagħha Antoine Camilleri kienet preżentat rikors kontra l-kumpanija Ċiniża Jinhai Import and Export u kontra SARL Bouzid Trad Annane Hachemi mill-Alġerija, li għalihom deheru l-Avukat Daniel Attard u l-Prokoratur Legali Luisa Tufigno.

Il-kumpanija Amerikana NIKE and Swoosh Design huma marki użati minn mill-kumpanija fuq diversi prodotti bħal żraben, sandlijiet, krakar, abbiljamenti ta’ ħwejjeġ sportivi, brieret u prodotti oħra, liema ditti huma reġistrati bhala EU Trade Marks.

Mill-provi prodotti irriżulta li x-xogħol kien inħatt fil-port ħieles ta’ Marsaxlokk minn fuq il-vapur APL AUSTRIA li kien daħal Malta fis-17 ta’ Mejju, 2021. L-uffiċċjali tad-dwana sabu konsenja ta’ 100 kaxxa b’total ta’ 2,400 par krakar f’container, u li kien hemm suspett li ma humiex ġenwini.  Minn eżamijiet li saru sussegwentement fuq l-istess oġġetti, nstab li dawn kienu falsifikati.

Dan wara li kien sar rapport magħmul min Laura Rizza, rappreżentanta tal-kumpanija NIKE and Swoosh Design Il-Qorti qalet li kien hemm ksur tal-artikoli tal-Kap. 414 u l-artikolu 9 tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea. Ingħad ukoll li l-allegazzjonijiet ġew kollha konfermati permezz tad-dokumenti esebiti mar-rikors guramentat u atti ohra preżentati fl-atti tal-kawża li jinkludi l-affidavit tal-uffiċċjal tad-dwana Randolph Mizzi, kien ikkonfermat li l-oġġetti għadhom qed jinżammu fl-imħażen tad-dwana.

Ghal dawn il-motivi, il-Qorti ddikjarat li l-konsenja in kwistjoni huma oġġetti falsifikati u ddikjarat u illi d-dhul tagħhom ġewwa Malta jikkontravvjenu d-dritt ta’ proprjetà tal-kumpanja li għamlet ir-rikors, inkwantu li ma humiex ġenwini. Il-Qorti ordnat lill-Kontrollur tad-Dwana sabiex fi zmien 90 gurnata mid-data tas-sentenza jiddistruġġi l-oġġetti mingħajr ebda kumpens u li l-importaturi jħallsu l-ispejjez kollha, inklużi tat-trasport, tal-ħażna, tad-distruzzjoni tal-oġġetti in kwistjoni, u tal-ispejjez tal-Ufficjali tad-Dwana