Internazzjonali Lokali Mużika

ILLEJLA: Malta tieħu sehem fit-tieni semi-finali tal-Eurovision

Illejla, Malta se tkun qed tieħu sehem fit-tieni semi-finali tal-Eurovision Song Contest li qed isir fil-belt ta’ Turin.

L-ambaxxatriċi Maltija Emma Muscat bil-kanzunetta ‘I Am What I Am’ se tkun qed tkanta fis-sitt post.

Fis-serata tal-lejla se jikkompetu 18-il pajjiż: il-Finlandja, l-Iżrael, is-Serbja, l-Azerbaijan, il-Georgia, Malta, San Marino, l-Awstralja, Ċipru, l-Irlanda, North Macedonia, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Polonja, Montenegro, il-Belġju, l-Iżvezja u r-Repubblika Ċeka.

Ilbieraħ filgħaxija Emma tat prestazzjoni mill-aqwa fil-Finali tal-Ġurija fejn l-esperti tal-ġurija taw l-voti tagħhom lill-kantanti li se jkantaw fis-serata tal-lejla.

Minn dawn iridu jgħaddu għaxra sabiex imbagħad jikkompetu fis-serata finali li se ssir nhar is-Sibt li ġej. Skont il-bookmakers jaf ikun diffiċli li Malta tgħaddi għall-finali hekk kif qed ikun imbassar li Emma Muscat tikklassifika fil-ħdax-il post.

S’issa diġà nafu l-15-il pajjiż li se jieħdu sehem nhar is-Sibt hekk kif it-Tlieta li għadda saru magħrufa l-għaxar pajjiżi li għaddew mill-ewwel semi-finali – l-Iżvizzera, l-Armenja, l-Iżlanda, il-Litwanja, il-Portugall, in-Norveġja, il-Greċja, il-Moldova, l-Olanda…u l-favorita li tirbaħ dan il-festival skont il-bookmakers, l-Ukrajna.

Fil-finali, dawn jingħaqdu mal-pajjiżi magħrufa bħala t-‘top 5’ li huma l-Ingliterra, Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Italja li huma wkoll ir-rebbieħa tas-sena li għaddiet.