Bħalissa f’pajjiżna hawn il-President tal-Irlanda Michael Higgins li ġie għal ftit jiem hawn Malta fuq stedina uffiċjali li saritlu mill-President ta’ Malta George Vella. Iż-żjara uffiċjali tal-President tal-Irlanda, bdiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fejn intlaqa’ mill-President ta’ Malta f’ċerimonja uffiċjali bil-parteċipazzjoni tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Matul din iż-żjara sar taħditiet uffiċjali bejn iż-żewġ presidenti flimkien mad-delegazzjonijiet tagħhom. Dan qabel ma ż-żewġ Presidenti indirizzaw lill-media preżenti fejn taw aktar dettalji ta’ dak li kien diskuss waqt din iż-żjara ta’ korteżija.

George Vella kif ukoll Michael Higgins tkellmu dwar diversi temi fosthom ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ stati, il-gwerra fl-Ukrajna, it-tibdil fil-klima u l-immigrazzjoni. Dan filwaqt li ddiskutew ukoll il-futur tal-Ewropa quddiem dawn l-isfidi kollha.

Matul din iż-żjara, iż-żewġ presidenti kellhom ukoll laqgħa informali li fiha taw rigali lil xulxin. Aktar tard il-President tal-Irlanda qiegħed kuruna tal-fjuri quddiem il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana.

