20 delegat għall-katekeżi fl-Ewropa attendew konferenza ta’ tliet ijiem f’Malta fejn iddiskutew il-ministeru tal-katekist u l-irwol importanti li għandu fid-dinja tal-lum biex titwassal l-Aħbar it-Tajba. Il-konferenza ġiet organizzata mit-Taqsima tal-Katekeżi fi ħdan is-CCEE (Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej) flimkien mal-Konferenza Episkopali Maltija u mas-Segretarjat għall-Katekeżi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.
Din kienet l-ewwel darba li d-delegati ltaqgħu fiżikament minn wara l-pandemija. Fil-laqgħat u d-diskussjonijiet ta’ dawn it-tlitt ijiem ħarġet is-sbuħija tal-Knisja Kattolika fid-diversità tagħha fl-Ewropa u l-modi differenti kif il-Kelma qed tixxandar fil-konkret f’dawn il-pajjiżi.
Fiċ-ċentru tad-diskussjoni kien hemm il-‘motu proprio’ Antiquum Ministerium maħruġ mill-Papa Franġisku, dwar il-vokazzjoni tal-katekist. Fost id-delegati kien hemm soru li kienet qed tirrappreżenta l-Knisja Kattolika fl-Ukrajna, li tat xhieda dwar kif il-fidi Nisranija qed tgħin lill-poplu Ukren f’dan il-mument diffiċli tal-istorja tiegħu. Minħabba d-diversità fil-mod ta’ kif issir il-katekeżi u skont il-kultura partikulari tal-pajjiżi Ewropej, id-delegati ħadu lura pajjiżhom il-prattiċi tajba ta’ pajjiżi oħra biex ikunu jistgħu jadattawhom u jwettquhom f’pajjiżhom.
Wieħed mill-mistiedna ewlenin tal-konferenza kien l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma, li tkellem dwar it-tema: “Il-katekist fid-dawl tas-sinodalità”. Huwa qal li l-katekeżi mhix biss formazzjoni intellettwali iżda hija formazzjoni sħiħa li l-persuni jirċievu fi ħdan il-komunità Nisranija. Spjega kif il-katekeżi hija mixja li tinbena b’mod speċjali bil-mumenti tal-ħajja liturġika u tal-ħidma ta’ karità. L-Isqof Teuma qal li huwa għalhekk li l-katekist irid ikun f’mixja ta’ fidi u ta’ konverżjoni kontinwa flimkien mal-oħrajn biex ikun jista’ jgħin lill-oħrajn.
Tkellem ukoll is-Superjur Ġenerali tal-MUSEUM, Roberto Zammit, li qasam tagħrif dwar il-kariżmi u l-ispiritwalità tas-Soċjetà u enfasizza l-importanza tax-xogħol missjunarju li hu ċentrali għall-viżjoni kateketika tal-Knisja fi żminijietna.
Għadd ta’ isqfijiet minn pajjiżi differenti Ewropej kif ukoll rappreżentant mill-Kummissjoni Pontifiċja għall Evanġelizzazzjoni l-Ġdida ħadu sehem b’mod attiv f’dawn il-jiem tal-konferenza.
Waqt il-konferenza l-parteċipanti żaru l-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fejn hemmhekk ħadu sehem f’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna. Waqt l-omelija, hu kellu kliem ta’ kuraġġ sabiex minkejja l-isfidi li toffri din id-dinja, ikomplu jitħeġġu jwasslu l-Kelma tal-Mulej. Il-pajjiżi membri tas-CCEE li ħadu sehem fil-konferenza huma: l-Albanija, l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja,
l-Lussemburgu, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovenja,l-Ukrajna, l-Ungerija u l-Iżvezja.