Basketball Sport

Starlites Fijo ċ-Champions ġodda tal-basketball lokali

Colin Schembri

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel – FINALI

Starlites Fijo 96

Mellieħa Libertas 90

(26-14)(17-30)(27-27)(26-19)

Starlites: A. Felice Pace 17, I. Azzopardi, A. Azzopardi, I. Felice Pace 5, M. Fabri, L. Riolo, M. Scerri 11, J. Bates 23, L. Farrugia, K. Xuereb 11, J. Haynes 7, M. Thomas 22.

Mellieħa Libertas: A. Wrighten 13, M. Falzon 6, I. Bonett 10, M. Seldon 45, C. Briffa, M. Azzopardi 2, CJ Cordina 214, N. Sultana, L. Tanzini.

Referees: Bernard Vassallo, Gordon Barbara, Kamil Dworniczak

Starlites Fijo huma c-champions il-ġodda tal-basketball lokali. Wara sentejn ta’ pandemija li fijhom huma dejjem kienu fuq quddiem u bla telf, issa finalment laħqu t-tragward tagħhom li jerbħu l-ewwel kampjonat taħt l-isem ta’ Starlites wara li aktar qabel kienu rebħu żewġ kampjonati taħt l-isem ta’ Virtus. Starlites kienu konsistenti tul il-kampjonat fejn temmew l-ewwel fażi fl-ewwel post.

It-tielet partita kienet denja ta’ finali fejn Mellieħa taw kollox biex jisfurzaw almenu r-raba’ partita u kif juri l-iskor finali, assistejna għal battalja sportiva mill-isbaħ quddiem pubbliku numeruż. Fost l-oħrajn l-Amerikan Malek Seldon ta’ Mellieħa spiċċa b’total ta’ 45 punt, l-għola wieħed tiegħu fl-istaġun. Għal Starlites, Jacob Bates kellhu “tripple double” fejn kiseb 23 punt, 15 -il rebound u 10 assists.

Kien hemm ukoll 22 punt ta’ Myles Thomas u 17 ta’ Alec Felice Pace li aktar tard kien magħżul bħala l-MVP tal-finali. Starlites fetħu bi tlett baskets ta’ Thomas u ieħor ta’ Kurt Xuereb biex marru 8-2 minn fuq. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn Seldon li minn kmien fil-partita beda jkun kontinwu taħt il-basket. Starlies żammew il-vantaġġ tul is-sessjoni u wara li Austin Wrighten għamel trippla għal Mellieħa, huma għalqu l-ewwel sessjoni bl-aħħar 5 punti fosthom trippla minn Alec Felice Pace għal skor ta’ 26-14.

Mellieħa fetħu l-aħjar fit-tieni perjodu bil-punti ta’ CJ Cordina li kellhu trippla biex naqqsu d-distakk għal 4 punti, 22-26. Starlites kellhom il-punti ta’ Jamiah Haynes u trippla minn Bates però Mellieħa għamlu l-iskor indaqs 31-31 wara break ta’ 7-0. Trippla fuq kull naħa minn Matthew Scerri u CJ Cordina ħallew l-iskor indaqs però Seldon poġġa lil Mellieħa fuq quddiem għal-ewwel darba. Sal-intervall il-vantaġġ kompla jdur minn naħa għall-oħra però kienu Mellieħa li daħlu jistrieħu fuq quddiem 44-43.

Fit-tielet sessjoni, punti ta’ Scerri u Felice Pace poġġew lil Starlites minn fuq iżda Mellieħa għamlu run ta’ 10-2 fost l-oħrajn minn Miguel Falzon u Wrighten u ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 54-49. Ir-risposta ta’ Starlites ġiet minn trippli ta’ Ian u Alec Felice Pace però Mellieħa ma ċedewx speċjalment bil-punti ta’ Seldon u trippla ta’ Cordina biex ħadu vantaġġ massimu ta’ 8 punti 70-62. Starlites reġgħu rkupraw u f’temp ta’ minuta għamlu l-iskor indaqs wara trippli minn Scerri u Xuereb qabel ma Seldon għamel l-aħħar punt ta’ Mellieħa għal skor ta’ 71-70.

L-entużjażmu laħaq il-qofol tiegħu fl-aħħar taqsima b’Mellieħa jibdew tajjeb u jkabbru l-vantaġġ bi trippla ta’ Isaac Bonett. Bates ukoll kellhu trippla u Starlites għamlu l-iskor indaqs 79-79. Hawn Starlites kellhom mument mill-aqwa b’run ta’ 11-1 kollha minn Thomas u Bates biex marru 10 minn fuq 90-80. Mellieħa għamlu sforz ieħor b’sitt punti mingħajr risposta u wasku sa’ 4 punti ‘l bogħod. L-aħħar minuta kienet missieleta però Starlites skurjaw il-free-throws biex baqgħu fuq quddiem sa’ tmiem il-partita 96-90 u bdew ċelebrazzjonijiet kbar għar-rebħ tal-kampjonat.

Alec Felice Pace intgħażel bħala l-MVP tal-finali u ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva. Charles Azzopardi Head CSR fi ħdan il-Bank of Valletta flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ippreżentaw it-trofew tal-Kampjonat BOV tal-Basketball lic-champions il-ġodda.