Lokali

X’hemm taħt l-art? Wirt dinji

Sensiela ta’ strutturi majestużi, u li jinsabu taħt l-art jinkludu sigriet tassew siewi ta’ kif nistgħu niġġieldu l-iskarsezza tal-ilma f’Malta u Għawdex. Dawn il-ġibjuni, li kienu mibnija biex jiġbru u jibagħtu l-ilma tax-xita, biċċa xogħol kbira ta’ inġinerija u arkitettura li kienet realizzata mill-Kavallieri u l-Ingliżi, huma xhieda tal-isforz u l-ispiża kbira investiti biex jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-ilma fil-gżejjer Maltin.

Waqt li dawn l- istrutturi kienu vitali għas-sopravivenza ta’ Malta għal sekli sħaħ, illum huma fil-periklu li ma jintużawx, jew agħar minn hekk, milli jitqiesu bħala ostaklu għall-kostruzzjoni u għall-iżvilupp.

“Aħna popolu b’kultura ta’ sekli sħaħ li nafu kif nistgħu niffrankaw l-ilma li nistgħu ngħalmu lezzjonijiet siewja lill-gżejjer kollha tal-Mediterran li qed iħabtu wiċċhom mal-problema tal-iskarsezza tal-ilma. Il-protezzjoni u l-qawmien mill-ġdid ta’ dan il-wirt, u li tiegħu l-ġibjuni tal-ħsad tal-ilma tax-xita huma meqjusa bħala pilastru ewlieni, jistgħu jipprovdulna għodod ta’ valur immens biex jipproteġuna kontra t-tibdil fil-klima” tenna Manuel Sapiano, CEO tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma (EWA).

L-EWA, b’kollaborazzjoni mal-NGO Global Water Partnership-Mediterranean iffurmat Alter Aqua, proġett pubbliku-privat bl-appoġġ ta’ The Coca-Cola Foundation u GSD Marketing Ltd., biex ipoġġi din il-viżjoni fil-prattika billi jidentifika ġibjuni minsija ta’ valur kulturali u ambjentali kbir. Fl-istess waqt dawn l-istess ġibjuni jerġgħu ikunu
mogħtija l-ħajja permezz ta’ xogħlijiet ta’ restawr, qabel ma jgħadduhom lura lill-komunitajiet ta’ Malta.

Is-sena li għaddiet, saru xogħlijiet kbar taħt il-pjazza tal-Vitorja fil-Birgu, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Birgu, sabiex setgħet tingħata mill-ġdid il-ħajja lill-ġibjun storiku. Dan l-istess ġibjun, ftit biss wara li kien sarlu r-restawr, intela’ bi 800,000 litru ilma tax-xita. Bħalissa, jinsab miexi x-xogħol li qed isir fil-Berġa ta’ Franza, liema bini għandu 400
sena u li jservi bħala s-sede tal-Kunsill Lokali tal-Birgu. Il-ġibjun li jinsab taħt din il-binja, se jkun qed jerġa’ jintuża’ biex jiġbor l-ilma tax-xita, u b’hekk tkun qed tiġi enfasiżżata l-importanza li jinġabar l-ilma tax-xita bħala parti mill-istrateġija għas-sigurtá tal-ilma tal-lokalitá.

Dak li wassal sabiex Alter Aqua jikkollabora ma’ Steven Mallia, kien l-interess komuni fil-ġibjuni tal-ħsad tal-ilma. Mallia hu fotografu u disinjatur li ddedika ħafna mill-ħin tiegħu sabiex jirriċerka u jikxef l-isbuħija impressjonanti, kif ukoll il-valur kulturali ta’ dawn l-istrutturi.

Wara li Mallia diġà ħa ritratti ta’ aktar minn 200 ġibjun taħt l-art, issa kien imiss li jaħdem fuq dokumentazzjoni jiddokumenta s-sbuħija tagħhom kif ukoll l-isfidi li qed jiffaċċjaw:

“Il-ġibjuni huma mifruxa kullimkien madwar Malta u Għawdex, u dan il-fatt jikkonferma li l-antenati tagħna kellhom nuqqas tal-ilma ħelu kullimkien. Kemm il-darba llum se nħarsu lejn dawn il-ġibjuni bħala ostaklu tal-antik, għall-iżvilupp, allura dawn l-istess ġibjuni ftit li xejn għandhom ċans li jgħixu. Iżda jekk minflok ngħaqqdu s-sħubija u l-valur kulturali tagħhom, u nenfasiżżaw il-potenzjal tagħhom bħala attrazzjonijiet turistiċi, allura nkunu qed ningħaqdu lkoll flimkien biex nipproteġuhom.”

Mallia jemmen bis-sħiħ li ċ-ċavetta ta’ dan kollu hija li nħallu aktar nies, inkluż ġenerazzjonijiet iżgħar, li jkollhom l-opportunitá li jaraw u jesperjenzaw huma stess l-isbuħija ta’ dawn l-istrutturi. Mallia, bħalissa qed jaħdem fuq il-kompilazzjoni ta’ ktieb fotografiku li se joħroġ f’Awwissu ta’ din is-sena. Din il-pubblikazzjoni se tkun qed tagħti l-
opportunitá lil kulħadd sabiex ‘jgħaddas’ f’dawn il-ħaġar prezzjużi u moħbija. L-interess mill-pubbliku lokali f’dan ir-rigward, hu wieħed kbir u dan hu rifless fl-ammont ta’ persuni li llum jiffurmaw parti minn grupp li ħoloq Mallia stess fuq Facebook, ‘Il-Ġibjun’ u li llum għandu ‘l fuq minn 2,700 membru attiv. Dawn kollha huma affaxxinati mill-wirt ta’
Malta li jiffranka l-ilma. Issa wasal iż-żmien li l-valur ta’ dawn il-ħaġar prezzjużi ta’ taħt l-art joħorġu fil-beraħ.

Tags