Lokali

35 sena mill-elezzjoni ġenerali storika tal-1987

Fit-12 ta' Mejju 1987 Eddie Fenech Adami ħa l-ġurament bħala Prim Ministru

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifakkar il-35 anniversarju minn meta l-eks Kap tal-Partit, Eddie Fenech Adami, inħatar Prim Ministru ta’ Malta għall-ewwel darba, meta ngħata l-ġurnament tal-ħatra mill-Aġent President ta’ Malta Pawlu Xuereb, nhar it-12 ta’ Mejju tal-1987.

Il-ġurament ittieħed wara li 3 ijiem qabel, il-poplu Malti u Għawdxi wieġeb għas-sejħa tal-Partit Nazzjonalista u tah vot b’saħħtu favur il-libertà u d-demokrazija ta’ pajjiżna f’elezzjoni ġenerali li biha temm 16-il sena ta’ Gvern Laburista – 3 leġiżlaturi li kienu mifnija b’korruzzjoni, biża’, vjolenza u traġedji nazzjonali.

Folla kbira kienet iċċelebrat ir-rebħa Nazzjonalista quddiem il-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta wara li l-PN kien ilu fl-Oppożizzjoni mill-1971; anke jekk fl-1981 kiseb iktar minn 50 fil-mija tal-voti…. iżda l-Partit Laburista bi tbagħbis tal-konfini elettorali ġab iktar siġġijiet.

Fl-istess sena saret emenda kostituzzjonali biex min jikseb iktar minn 50 fil-mija tal-voti, jekk ma jkollux maġġoranza ta’ siġġijiet, jingħata siġġijiet addizzjonali biex ikun jista’ jiggverna.

Din ir-rebħa tal-1987 tibqa’ waħda speċjali mhux biss għall-Partit Nazzjonalista iżda tinżel fl-istorja bħala waħda li wittiet it-triq għas-sewwa wara d-dalma li spiċċa fiha l-pajjiż fis-snin precedenti.