Gazzetti Internazzjonali Lokali Parlament

“Diskors li mbarazza lill-Maltin kollha”

Ritratt: Martin Agius
L-Editorjal tal-ġurnal The Malta Independent ħadha qatta bla ħabel fuq kif il-Gvern irnexxielu jimbarazza lil pajjiżna meta l-President Ukren kien mistieden biex jindirizza lill-Parlament fejn saħansitra semma l-bejgħ tal-passaporti

“Il-fatt li l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy tkellem dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti fil-Parlament Malti kien mument imbarazzanti għall-Gvern.”

Hekk stqarr l-Editur tal-ġurnal The Malta Independent meta fl-Editorjal tal-Ġimgħa tkellem dwar kif din l-istedina tal-Ministru Ian Borg, minn mossa ta’ pubbliċità għall-Gvern Malti, spiċċat f’mument ta’ mistħija għal Malta.”

Lill-Gvern din il-mossa maritlu żmerċ, skont l-Editorjal tal-Independent, hekk Volodymyr Zelenskyy ma tantx qagħad jomgħodha meta talab lill-Gvern Laburista jimblokka immedjatament kull ma jiġi esportat lejn ir-Russja ….kif ukoll jitwaqqaf il-bejgħ tal-passaporti; skema li sa mill-konċepiment taghha tappnet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

L-Editorjal qieghed anke jbassar li l-Gvern ineħħi s-sospensjoni tal-bejgħ tal-passaporti lill-oligarki Russi malli l-gwerra fl-Ukrajna tintemm; mossa li żgur ma jibgħatx messaġġ b’saħħtu lir-reġim ta’ Putin, tant li l-Gvern Malti qed jimxi b’kalmezza kbira sabiex jindirizza b’serjetà l-kwistjoni tas-superyachts tal-oligarki Russi li jagħżlu li jsorrġu l-jottijiet taghhom f’Malta.

Minkejja n-newtralità ta’ pajjiżna fil-Kostituzzjoni, The Malta Independent saħqet li l-Gvern jista’ jagħmel id-differenza u messu jagħmel ħafna aktar biex ikun solidali ma’ dan il-pajjiż fi gwerra, billi fost l-oħrajn jaghmel bojkott lill-Moska fuq kull livell.

Fid-diskors tiegħu, Zelenskyy anki fakkar li din il-gwerra wasslet għal effetti globali bla preċedent, fosthom żieda allarmanti fil-prezz tal-ikel u anki l-immigrazzjoni, fatturi li l-poplu Malti qiegħed iħabbat wiċċu magħhom.

F’dan il-kuntest, l-Editur fakkar kif il-Gvern Russu saħansitra kellu l-ardit jiċċelebra Jum ir-Rebħa fid-9 ta’ Mejju b’parata pompuża fil-Pjazza l-Ħamra f’Moska, biex għamel paragun ma’ 80 sena ilu.

Il-fatt li Vladimir Putin ikomplu jiġġustifika l-atroċitajiet fl-Ukrajna permezz ta’ retorika politika li ma tagħmilx sens u l-fatt li qisu m’hemmx xaqq ta’ tama għal tmiem din l-invażjoni Russa, jindika b’mod ċar …dejjem skont l-Independent…..li l-pajjiżi kollha, inkluża Malta, jeħtieġu jħarrxu l-miżuri u jieqfu jidhru sbieħ ma’ Moska.