Il-funeral ta’ ġurnalista magħrufa li sar illum f’Ġerusalemm tal-Lvant kien imtappan bi vjolenza bejn il-Palestinjani u l-pulizija Iżraeljani li konfrontaw lil xulxin waqt li t-tebut kien qed jinħareġ minn sptar f’dik il-lokalità.
Shireen Abu Aqla, ġurnalista Amerikana ta’ nisel Palestinjan, inqatlet f’nofs il-ġimgħa waqt li kienet qed tirrapporta għall-Istazzjon Al Jazeera dwar azzjoni tal-militar Iżraeljan fix-Xatt tal-Punent.
Il-qtil tagħha ġġenera kundanna kbira, bl-Iżraeljani u l-Palestinjani qed iwaħħlu f’xulxin u bl-Awtorità Palestinajana, flimkien mal-Al Jazeera, jinsistu li kienu t-truppi ta’ Iżrael li fetħu n-nar fuq il-ġurnalista veterana. Iżda Iżrael għadu qed jgħid li mhux possibbli, għalissa, li l-fatti jkunu magħrufin, waqt li insista dwar il-possibbiltà li Abu Aqla intlaqtet mill-isparar tal-Palestinjani matul l-azzjoni.
Sadanittant, it-tebut tal-ġurnalista kważi spiċċa fl-art fost il-kaos u l-ġlied tal-bieraħ li żbroffa bejn il-Palestinjani u l-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani fil-kumpless tal-isptar fejn kien qed jinżamm il-katavru. Jidher li l-Palestinjani garaw il-ġebel lejn il-pulizija waqt li ċċirkondaw in-nies li kienu qed jerfgħu t-tebut sakemm il-pulizija sparaw il-gass tad-dmugħ u użaw il-lembubi biex jitfgħu lura l-folol.
Fl-istess ħin, Iżrael u l-Palestinjani qegħdin imexxu l-investigazzjonijiet rispettivi dwar il-qtil ta’ Shireen Abu Aqla. Dan wara li l-Palestinjani rrifjutaw it-talba ta’ Iżrael għal investigazzjoni konġunta, fost il-kummenti ċari li ‘huma ma jafdawx lill-Iżraeljani’.
Dan ukoll meta qed tikber il-pressjoni għall-konklużjoni mill-aktar fis tal- inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista fost l-insistenza li kwalunkwe investigazzjoni għandha titmexxa bl-aktar mod trasparenti.
//= $special ?>