Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Battaljun sħiħ tar-Russja jinqered waqt li jipprova jaqsam xmara….

Il-gwerra fl-Ukrajna qed tissarraf f’dejjem aktar disfatti għall-President Russu, Vladimir Putin, u l-Kremlin. Dan meta s-sorsi indipendenti – flimkien ma’ uffiċjali fir-Renju Unit — qalu li wieħed mill-battaljuni tar-Russja tilef kważi kull vettur armat li kellu waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu minn xmara viċin ta’ Severodonetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Intant, qed jiċċirkulaw ritratti u filmati tax-xena fejn jispikkaw l-għexieren tat-tankijiet tal-gwerra u karrijiet armati meqruda mill-qawwiet Ukreni li fetħu bumbardament preċiż fuq il-pontijiet tat-tip pontoon li r-Russi kienu qed jużaw biex jaqsmu x-xmara tas-Siversky Donets, fir-reġjun ta’ Luhansk.

Il-Ministeru tad-Difiża Britanniku, intant, qal li l-istrateġiji militari tar-Russi qed ikomplu juru l-pressjoni kbira għall-kmandanti militari tagħhom li jinsabu fi stat kbir ta’ paniku minħabba li l-invażjoni tal-Ukrajna sejra daqshekk ħażin għat-truppi tagħhom.

Ma kienx magħruf kemm mietu suldati matul il-battalja fil-madwar ta’ Siversky Donets iżda kien hemm ukoll rapporti li l-qawwiet tar-Russja kienu qed jagħmlu xi kisbiet militari fi bnadi oħra taz-zona.