Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Qbil li Vladimir Putin ‘qed jispiċċa umiljat’

Numru ta’ mexxejja madwar id-dinja qegħdin jaqblu li l-gwerra fl-Ukrajna qed tissarraf f’sensiela ta’ disfatti militari għar-Russja li ‘għandhom iħammru wiċċ il-President Vladimir Putin’.

Fl-aħħar sigħat, il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qal li Putin u l-Kremlin mgħandhomx il-kuraġġ li jammettu li qegħdin jitilfu din il-gwerra. Min-naħa tagħha, is-Segretarju tar-Renju Unit għall-Affarijiet Barranin, Liz Truss, hi fost diversi personalitajiet li qegħdin jaqblu li Putin spiċċa biex jumilja ruħu f’għajnejn id-dinja wara li ddeċieda biex jinvadi pajjiż paċifiku.

Truss, li fl-aħħar sigħat kienet qed titkellem waqt laqgħa tal-G7, sejħet biex il-Punent jimponi aktar sanzjonijiet iebsa fuq Moska u biex dawn is-sanzjonijiet ma jonqsux sakemm ikun telaq l-aħħar suldat Russu mill-Ukrajna.