Lokali Qorti

Il-Qorti tal-appell tirrevoka multa fil-konfront ta’ nassab minħabba nuqqas ta’ provi u nvestigazzjoni nofs kedda

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Sceri Heerera rrevokat sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrat u illiberat nassab mill-Qrendi li kien ġie kundannat €2,300 multa dan għax ma nġiebu l-ebda provi li kellhom iwasslu għall-ħtija. Mhux biss imma tali nvestigazzjoni saret nofs kedda bin-nassab jibdi jiġi nvestigat sena wara li ġie allegat li wettaq ir-reat.

IL-Qorti ordnat li s-sentenza tintbgħat lill-Kummissarju tal-Pulizija biex il-provi jitressqu kollha u mingħajr dewmien, mhux bħal ma seħħ f’dan il-każ. Carl Busuttil, ta’ 39 sena mill-Qrendi, kien nstab ħati mill-ewwel qorti li fit-28 ta’ Marzu 2020, fl-inħawi tal-Fawwara, limiti tas-Siġġiewi, nasab meta l-istaġun kien magħluq. Fit-28 ta’ Jannar li għadda kien instab ħati u minbarra multa kellu l-liċenzja għall-insib sospiża għal sentejn.

Il-Qorti qalet li l-azzjoni tardiva ħafna tal-aġenti tal-Pulizija ma hija ta’ l-ebda konfort għall-prosekuzzjoni, anzi tali azzjoni ċaħdet id-dritt ta’ Busuttil għal difiża xierqa. Għax forsi kieku bagħtu ghalih dak in-nhar stess jew ftit ġranet wara allura seta’ jip prova fejn kien fil-ħin u d-data li allegatament kien qed jonsob.

Jew jekk kienx hu, għas-saħħa tal-argument biss kienx qed jonsob fil-fatt jew inkellha qed jagħmel xi ħaġa oħra per eżempju iperreċ l-għasafar u/jew jirranġa xi xbieki halli jipprepara għall-istaġun tal-insib meta jiftaħ! Il-ġustizzja ma tistax tistrieħ fuq it-tkaxkir tas-saqajn tal-awtoritajiet, li bagħtu għas-suspettat xhur wara u bdew il-proċeduri kontrih aktar minn sena wara li seħħ il-każ.

Huwa fatt magħruf li l-Awtoritajiet iridu jkunu dejjem pronti biex jivestigaw l-ilment mingħajr l-ebda tkaxkir tas-saqajn u jieħdu dawk l-azzjonijiet neċċessarji kif jidhrilhom huma. Busuttil qal fl-appell li jemmen bi sħiħ li l-investigazzjonjiet tal-pulizija ma’ sarux sewwa u b’ dik is-serjeta’ neċċessarja u allura l-Qorti tal-Maġistrati kellha tarahom b’
dik l-ottika u mhux taqbad u tiġbed konkluzzjoni li hu kien qed jonsob, jew li jieħu jew jipprova jieħu l-għasafar waqt staġun magħluq.

Busuttil ma nstabx fuq il-post fejn l-allegat attivita’ illegali kienet qed issir. Il-fatt li il-pulizija tal-ALE meta cemplet is-Fiona Burrows kienu ‘no available’ ma jfissirx li l-investigazzjonijiet ma setghux isiru b’ mod mgħaġġel mill-pulizija tad-distrett jew mill-istess pulizija l-ghada jew fil-granet ta’ wara u mhux xhur wara!

Busuttil appella fejn qal li għalkemm fir-ritratti miġbuda l-karozza hija tiegħu, madankollu jsuquha persuni oħra fosthom ħuh, missieru u l-impjegat tiegħu. Huwa ċaħad li nasab f’Marzu u meta muri ritratti tal-persuna tonsob wieġeb li dak hu xi ħadd li jixbħu. Mistoqsi kemm nies li jixbħuh fl-inħawi tal-Fawwara fejn hemm id-dura, Busuttil qal li ma jafx.

L-Imħallef Scerri Herrera sostniet li f’dan il-każ ma ssemma mkien li l-membri tal-CABS ċemplu lill-pulizija u li dawn ma setgħux imorru fuq il-post. Hija qalet li mill-filmat miġbud mill-CABS u esebiet fil-kawża l-akkużat ma jidhirx jiġri wara kollega tal-mara li ġibdet il-filmat kif allegat.

Waqt li sostniet li ma nġiebux provi li juru fiż-żgur li Busuttil kien qed jonsob hija lliberatu minn kull ħtija. Fis-sentenza tagħha hija kkritikat ukoll id-dewmien tal-Pulizija biex jibagħtu għall-imputati f’dawn it-tip ta’ każijiet. L-Imħallef qalet ukoll li l-Pulizija trid tkun preparata u mhux tistrieħ fuq ir-rapporti li jsiru mill-CABS.