Lokali Qorti

Illiberat minn akkużi li mexxa burdell tas-Sliema bil-Qorti tisħaq għal bżonn li jiġu rregolati l-ġentleman’s club

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kkonfermat sentenza tal-qorti tal-Maġistrati li f’Ġunju tas-sena l-oħra fejn ma sabitx ħati lil Jonathan Gilson ta’ 41 sena minn Raħal Ġdid ħati li flimkien ma’ żewġt irġiel oħra ttraffika nisa biex jisfruttahom għall-prostituzzjoni, li għex minn fuq nisa barranin u li mexxa burdell fil-Blue Moon Club f’Tas-Sliema.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti għamlet talba lill-awtoritajiet biex tidħol fis-seħħ liġi li tirregola il-gentleman’s club u dan minħabba li fil-liġi jeżistu nuqqasijiet kbar dwar dan is-settur. Il-każ imur lura għal 2008 meta l-pulizija ġiet infurmata li l-post f’Tas-Sliema beda jintuża għall-prostituzzjoni.

L-Avukat Ġenerali appellat mis-sentenza u talbet lill-Qorti tal-Appell biex issibu ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. L-argument tal-AĠ kien li l-ewwel qorti żbaljat meta skarat l-istqarrija li ta lill-pulizija mingħajr il-preżenza ta’ avukat u għax kien hemm biżżejjed provi biex jinstab ħati.

Argument li l-prosekuzzjoni temmen għaliex kellu jinstabt ħati hija l-istqarrija li ta minn jeddu meta Gilson, meta kellu 27 sena u għażel li jiffirmaha mingħajr ebda pressjoni. F’sentenza studjata ta’ 117 il-paġna, il-Qorti tal-Appell Kriminali kkwotat diversi sentenzi li taw direzzjoni konflinġenti dwar stqarrijiet li ngħataw fil-passat mingħajr il-preżenza tal-avukat.

Fost oħrajn innotat li fis-27 ta’ Jannar tal-2021, il-Qorti tal-Appell Kriminali tat direzzjoni differenti minn dik tal-Qorti Kostituzzjonali. Meta ċertu sentenzi warrbu għal kollox dawn l-istqarrijiet, Qrati oħrajn qiesu li l-qorti ma tistax tiskartahom meta fil-liġi m’hemmx provvediment li jeskludi tali prova.

L-Imħallef sostniet li dan qed iwassal għal inċertezza u saħqet fuq il-ħtieġa li jkun hemm direzzjon ċara, inkluż linji gwida biex dis-sitwazzjoni tiġi rrimedjata. Għalkemm Gilson ingħata twissija skont il-liġi tal-2008, jibqa’ l-fatt li jista’ jkun hemm preġudizzju kontrih, l-aktar meta tara tweġibiet li ta fl-istqarrija u meta hu ma kellu l-ebda dritt għad-difiża.

Hija ma laqgħetx ukoll talba tal-Avukat Ġenerali li kien hemm biżżejjed provi biex jinstab ħati, wara li qieset li sal-lum għad m’hemmx leġislazzjoni li tirregola l-istrip clubs. Scerri Herrera sostniet li din il-lakuna fil-liġi għandha tiġi solvuta b’liġijiet li jirregolaw dan is-settur mill-aktar fis possibbli.

L-Imħallef ma sabitux ħati wkoll fuq binarju ieħor u dan għax ix-xhud ewlenija tal-prosekuzzjoni, xehdet li l-esperjenza ta’ prostituzzjoni bdietha meta telqet taħdem mill-Blue Moon u li kienet hi li riedet taħdem bħala żeffiena f’dan il-club, minn jeddha u mingħajr ħadd ma ġegħelha.

Saħqet li l-prosekuzzjoni għandha dejjem takkuża persuna fuq l-imġiena tagħha, skont l-evidenza u mhux tagħmel ‘fishing expedition’ Ingħad li f’każijiet simili mhux ġust li jitressqu persuni b’dawn l-akkużi, meta ma jeżistiex qafas legali u għaldaqstant talbet lill-Ministru tal-Ġustizzja, biex ifassal liġi li tirregola dawn il-ħwienet u x’jista’ jsir fihom. Għal Gilson deheru l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Louise Calleja.