Lokali Qorti

Multa wara li daħal fuq il-Facebook tal-mara biex jieħu vantaġġ f’kawża ta’ separazzjoni

Raġel ta’ 40 sena residenti x-Xemxija ġie mmultat €2,000 mill-Maġistrat Rachel Montebello wara li nstab ħati li mingħajr permess aċċessa l-kompjuter tal-mara biex niżżel informazzjoni biex minnha jieħu vantaġġ għal kawża ta’ separazzjoni li għaddejja bejn il-koppja.

Antoine Bugeja nstab ħati li fit-23 ta’ Awwissu 2019 u fil-ġranet ta’ qabel ġewwa l-Arjuport Internazzjonali ostakola d-dħul għal xi data, software jew dokumentazzjoni, uża l-kodiċi ta’ dhul, password, isem tal-mara, indirizz postali elettroniku u nformazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ xi persuna oħra f’kompjuter jew b’xi mod tikser kull miżura ta’ sigurtà biex jakkwista aċċess mingħajr awtorizzazzjoni għas-sistema tal-informatika kollha jew parti minnha.

It-teżi tal-Prosekuzzjoni hija li fit-23 ta’ Awwissu 2019 u fil-ġranet ta’ qabel, l-imputat, bl-użu tat-telefon ċellulari ta’ martu, kiseb aċċess għall-posta elettronika tagħha kif ukoll daħal fl-account tagħha fuq Facebook fejn hemmhekk, huwa qara messaġġi li kienu għadhom ma nqrawx minnha, ħassar messaġġi li ntbagħtu lilha permezz tal-posta elettronika, kif ukoll ostakola l-aċċess tagħha għad-data tagħha stess.

Dan billibiddel il-kodiċi ta’ dħul f’dawn l-imsemmija sistemi ta’ informatika. Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-imputat kiseb dan l-aċċess u daħal fis-sistemi reġistrati f’isimha mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ martu u dan kollu bi ksur ttal-liġi. Il-partijiet huma miżżewġin u dak iż-żmien kienu għaddejjin minn proċeduri ta’ separazzjoni personali.

Il-mara xehdet illi xaharejn qabel ġara l-każ, l-imputat kien telaq mid-dar matrimonjali u kien mar jgħix ix-Xemxija f’appartament ta’ ħuha b’mod temporanju. Dak iż-żmien hija kienet silfitu t-telefon ċellulari antik li kellha għaliex
kien talabulha biex ikollu mezz biex jikkomunika mat-tfal tagħhom waqt li kien se jkun imsiefer, u dan peress li l-mobile tiegħu kien bil-ħsara.

Fl-20 ta’ Awwissu 2019 hija bdiet tara li kien hemm messaġġi fuq Facebook li ma kienetx għadha fetħithom, li kienu qed jimmarkaw bħala li kienu diġa’ moqrijin, iżda għall-bidu ma kienetx ħasbet ħażin. Fit-23 ta’ Awwissu 2019 imbagħad, meta daħlet fir-“recent emails”, intebħet li kien intbagħat e-mail lill-kont tagħha tal-gmail, li l-password tagħha biex tidħol fuq Facebook kien inbidel.

Iżda meta daħlet fl-account tagħha tal-gmail, sabet li d-“deleted items” kienu wkoll tħassru kollha mit-‘trash bin’ – ħaġa li hija qalet li qatt ma għamlet – u b’hekk irrejalizzat li xi ħadd kien daħal fil-kont tagħha fejn kienu inbidlu wkoll is-settings biex il-messaġġ li jintbagħat dwar tibdil ta’ password, jintbagħat lil mobile ieħor li mhux tagħha.

Xehdet ukoll li effettivament, kien inbidel il-password mhux biss tal-kont tagħha tal-gmail iżda wkoll tal-Facebook u ma setgħetx terġa’ tibdlu hija stess għaliex il-password l-antik kien inbidel minn xi ħaddieħor u ma kienx għadu l-istess wieħed.

Talabha €20,000 aktar minn dak li kienu qablu dwaru

Dak il-ħin għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija kif ukoll mas-Cyber Crime Unit li minn naħa tagħhom waqqfu temporanjament kull aċċess għal dawn il-kontijiet. Il-mara xehdet ukoll li sussegwentement, l-imputat beda jheddidha li se juża l-informazzjoni li kien kiseb bid-dħul fil-kontijiet tagħha, biex iwaqqa’ l-ftehim li kienu laħqu bejniethom dwar is-separazzjoni personali u talabha s-somma ulterjuri ta’ €20,000 b’żieda fuq dak li kienu diġa’ qablu dwarha.

Hija kkonfermat illi l-għada ltaqgħu hi u ħuha Christian Borg mal-imputat, fejn hemmhekk hu reġa’ heddidha bl-informazzjoni li kien kiseb mill-kont tagħha fuq Facebook u qalilha li jekk ma ttihx dak li kien qed jitlob fis-separazzjoni, se jippubblika dawn ic-‘chats’ personali u privati tagħha, liema ‘chats’ hi ma kienx għad kellha aċċess għalihom.

L-imputat Antoine Bugeja ma xehedx quddiem il-Qorti u minkejja li kien assistit mill-avukat tiegħu waqt li kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija fis-26 ta’ Novembru 2019, għażel li ma jwieġeb għal ebda domanda li saritlu. Huwa stqarr biss li waqt li uliedu minuri kienu miegħu id-dar, urewh ritratt moqżiez fuq it-telefon ċellulari li kienet tatulhom ommhom stess, biex jużawh waqt li jkunu għandu għall-aċċess, u huwa ħass li kellu jieħu dan il-mobile mingħandhom.

Għall-finijiet tal-piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni l-fatt illi l-imputat għandu fedina penali kompletament netta iżda ħadet in konsiderazzjoni wkoll il-fatt illi jirriżulta li r-reati ġew kommessi minnu bi skop li jikseb vantaġġ mhux xieraq fis-separazzjoni personali bejn il-partijiet a skapitu ta’ martu u għalhekk, il-piena għandha tirrifletti dan il-fattur.

Għal dawn il-motivi l-Qorti qalet li wara li rat l-Artikoli 17, 337Ċ(1)(d)(i) u 337F(1) tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, sabet lil Antoine Bugeja ħati u ikkundannatu għal multa ta’ €2,000. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roxanne Tabone.


.