Lokali

Arrestati żewġ persuni b’rabta ma’ abbuż mid-droga

Matul il-lejl illi għadda komplew l-ispezzjonijiet li jsiru regolarment f’Paċeville u San Ġiljan minn diversi taqsimiet tal-Pulizija.

F’ħidma li saret mill-Pulizija mis-Sezzjoni tal-klieb, ġew arrestati żewġ persuni b’rabta ma’ abbuż mid-droga.

F’parkeġġ fi Triq San Ġorġ, il-Pulizija nnutaw persuna li bdiet taġixxi b’mod suspettuż u minn tfittxijiet li saru fuqu nstabet borża żgħira bi tliet qratas, suspettata kokaina. Waqt l-arrest, irraġel sar aggressiv u pprova jimbotta lill-uffiċjali u anke prova jeqred s-sustanza.

Fi Triq Santu Wistin, il-Pulizija nnutaw li fuq mejda, barra stabbiliment, kien hemm raġel jabbuża minn sustanza suspettata droga kokaina. Malli r-raġel induna bil-preżenza tagħhom ipprova jeħles mis-sustanza, madanakollu huwa ġie arrestat mill-ewwel. Saru tfittxijiet fuqu u nstabu iktar sustanzi, suspettati kokaina, eroina, kannabis u xi pilloli suspettati ecstasy.

Aktar tard waqt ronda fi Triq Dragunara, il-Pulizija lemħu raġel joħroġ jiġri b’mod suspettuż minn vettura. Wara li waqfuh il-Pulizija nnutaw li l-vettura li kien qed jagħmel użu minnha, kellha l-liċenzja u l-polza tal-assigurazzjoni mhumiex validi.

Dawn l-ispezzjonijiet wasslu ukoll biex diversi persuni ġew imħarrka fuq ksur ta’ regolamenti oħra, fosthom kontravenzjonijiet tat-traffiku.