Internazzjonali

Jeħel sena ħabs wara argument mal-mara fuq pizza

‘Każ kważi umoristiku li kieku ma kienx daqshekk serju’ – hekk iddeskriva dan il-każ stramb ta’ aggressjoni, l-Imħallef li tefa’ l-ħabs persuna talli ta daqqiet ta’ sikkina lis-sieħba tiegħu wara li ma qablux fuq liem tip ta’ pizza se jieklu.

Nathaniel Williams, ta’ 29 sena, spiċċa f’argument mal-mara tiegħu meta ma setgħux jaqblu minn liem stabbiliment se jordnaw take-away.

Kien matul din id-diskussjoni taħraq li, l-mara tatu daharha, waqt li hu qabad sikkina u ta’ daqqa biha ftit ‘il fuq minn saqajha.

Meta l-kommossjoni fir-residenza tagħhom f’Cardiff kibret, ir-raġel ikkonvinċa lill-mara biex ma tmurx l-isptar biex jevitaw li jidħlu l-pulizija fl-istorja.

Madankollu, daħlet fl-istorja ħabiba tal-mara li ħaditha l-isptar fejn aktar tard, Nathaniel Williams kien arrestat.

Williams ingħata sentenza ta’ sena ħabs u ordni biex ma jikkuntattjax lill-vittma għal ħames snin.