Futbol Sport

Liverpool jegħlbu lil Chelsea biex jieħdu t-tieni unur tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

Liverpool huma l-holders ġodda tal-FA Cup wara li għelbu lil Chelsea 6-5 f’Wembley Stadium wara l-għoti tal-penalties. Dan wara li ż-żewġ tims naqsu milli jsibu x-xibka wara 120 minuta logħob li produċew mhux ftit tal-azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti iżda ftit ċansijiet ċari ta’ skor. Ix-‘shootout’ mill-ħdax-il metru kien deċiż mid-difensur Grieg ta’ Liverpool. Kostas Tsimikas, li daħal jilgħab bħala sostitut, u li għeleb lill-gowlkiper Senegaliż, Edouard Mendy, għall-penalty rebbieħ. Sekondi qabel, li l-gowlkiper ta’ Liverpool Alisson Becker kien fil-post eżatt biex jilqa’ il-penalty fjakk mogħti minn Mason Count. L-FA Cup hu t-tieni unur domestiku għal Liverpool wara li r-Reds, fi Frar, kienu għelbu lill-istess Chelsea – ukoll wara l-għoti tal-penalties – fil-Carabao (League ) Cup li ntlagħbet f’Wembley fis-27 ta’ Frar.

Intant, ir-Reds ta’ Jurgen Klopp għadhom biċ-ċans għal ‘quadruple’ storiku, meta jinsabu f’taqtigħa missielta ma’ Manchester City (iċ-Champions tal-Ingilterra) għar-rebħ tal-Premier League u meta fl-aħħar tax-xahar jridu jilgħabu kontra Real Madrid fil-finali taċ-Champions League. Ir-riżultat kien ukoll sinifikanti għaliex Chelsea, issa, saru l-ewwel klabb fl-istorja li tilef tliet finals konsekuttivi tal-FA Cup fil-150 sena li ilha teżisti din il-kompetizzjoni– li hi wkoll l-aktar kompetizzjoni knockout antika fid-dinja. Fl-istess ħin, din l-finali mistennija tkun anki l-aħħar dehra għal Antonio Rudiger ( li għandu jissieħeb lil Real Madrid) bil-flokk ta’ Chelsea u meta x’aktarx li jitilqu l-klabb ukoll il-veteran Thiago Silva, Cesar Azpilicueta ( li tilef il-penalty l-ieħor għal Chelsea) u Marcos Alonso.

Mill-banda l-oħra din hi l-ewwel darba li Liverpool rebħu l-FA Cup fil-Wembley Stadium ġdid. Fil-fatt, l-aħħar rebħa għar-Reds fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni kienet tmur lura 16-il sena meta huma kienu għelbu lil West Ham United f’Cardiff ( Wales). Il-logħba tal-bieraħ kienet pjuttost maqsuma, b’Liverpool joħorġu determinati għal gowl kmieni u b’Chelsea, bil-mod il-mod, jidħlu aktar fil-logħba b’numru ta’ kontra-attakki perikolużi. Intant, kien hemm b’kollox 27 tentattiv – 17 minn Liverpool u 10 għal Chelsea – fuq il-lasti rispettivi, b’Marcos Alonso jolqot il-mimduda minn freekick angolat u bid-difensur tar-Reds, Andy Robertson, jara sieq il-lasta ċċaħħdu minn gowl kważi ċert fuq l-assist ta’ Thaigo Alcantara.

Iż-żewġ tims dehru li ħassew l-għejja fil-ħin barrani – bid-difiżi jinnewtralizzaw kull tentattiv tal-attakkanti avversarji sakemm wasal il-ħin għall-penalties. Kien il-captain tal-Blues, Azpilicueta, li falla l-ewwel penalty bix-xutt tiegħu jaħbat mal-lasta u b’Sadio Mane jitlef il-ħames penalty għal Liverpool meta xxuttja direttament lejn il-gowlkiper – u kompatrijott – Mendy. B’hekk infetħet il-fażi ta’ ‘sudden death’ fejn kwalunkwe żball huwa fatali fatali – b’Alisson isalva t-tentattiv ta’ Mount, u b’Tsimikas, bil-kalma kollha, jixħet lil Mendy in-naħa l-oħra b’xutt għar-rokna fost iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u l-partitarji ta’ Liverpool Formazzjonijiet Liverpool: Alisson, Alexander-Arnold, Konate, Van Dijk (Matip), Robertson (Tsimikas), Henderson, Thiago, Keita (Milner), Diaz (Firmino), Salah (Jota), Mane. Sostituti oħra: Kelleher, Gomez, Jones, Origi, Chelsea: Mendy; Chalobah (Azpiliceuta), Thiago Silva, Rudiger; James, Jorginho (c), Kovacic (Kante), Alonso; Mount, Lukaku (Ziyech), Pulisic (Loftus Cheek, Barkley) Sostituti oħra: Kepa, Sarr, , Saul, Werner