Internazzjonali

Miżmum temporanjament id-deal ta’ Elon Musk u ‘twitter’

Elon Musk waqqaf b’mod temporanju l-ftehim ta’ $44bn biex jixtri Twitter. Dan meta għadu qed jistenna informazzjoni dettaljata ta’ kemm hemm ‘fake-profiles’ fuq il-pjattaforma.

L-impreditur irreafferma li xorta għadu bil-ħsieb li jixtri twitter, madankollu, analisti qed jispekulaw li jista’ jkun li Musk issa qed ifittex li jerġa’ jinnegozja l-prezz jew saħansitra ibiddel fhemtu fuq ix-xiri.

Dan kollu qed issir fid-dawl ta’ daqqa ta’ ħarta fuq l-ishma ta’ Twitter li niżlu b’10%. Dan jista’ jkun li qed jiġri minħabba li qed tinħoloq inċertezza dwar jekk id-deal isirx wara l-problemi li inqalgħu minħabba l-fake-accounts.

Filfatt, diversi esperti qed jgħidu li Musk qed juża dan il-fattur tal-fake-accounts bħala skuża biex joħroġ minn ftehim f’suq li qed jinbidel ħafna.

Twitter ilu jiffaċċja akkużi li ma għamilx biżżejjed biex jindirizza profili foloz. Dan meta hu stmat li l-accounts foloz jammontaw għal inqas minn 5% tal-‘active users’.

Jidher li dawn il-fatturi qed jinkwetaw lil Musk għaliex din l-istatistika taffettwa d-dħul ta’ Twitter fejn jidħol reklamar.

Biex l-inċertezza tkompli tiżdied, fl-aħħar sigħat, żewġ persuni ta’ kariga għolja u importanti fi Twitter, ħabbru li se jkunu qed jirriżenjaw għal raġunijiet mhux magħrufa.