Lokali

Rapporti jindikaw li hemm possibbiltà li Mario Grech ikun il-Papa li jmiss

Tista’ titqies bħala aħbar tajba ħafna, aħbar li matul il-jum tas-Sibt iddominat il-mezzi tax-xandir madwar pajjiżna… iżda mhux biss. L-aħbar dwar il-possibiltà li l-Knisja Kattolika titmexxa minn Malti, intlaqgħet tajjeb ħafna mill-Maltin u Għawdxin. Dan meta, rapporti indikaw li l-Għawdxi, il-Kardinal Mario Grech qed jissemma fost għadd ta’ kardinali li għandhom ċans tajjeb li jieħdu post il-Papa Franġisku fil-konklavi li jmiss.

F’analiżi li għamlet it-Times ta’ Londra, kien spjegat kif l-elezzjoni għas-suċċessur tal-Papa se tkun battalja bejn il-konservativi u l-liberali. Għalkemm għadu mhux ċar jekk il-Papa Franġisku hux se jservi sal-aħħar ta’ ħajtu jew jekk jirtirax mill-kariga. Skont it-Times, din tal-aħħar tidher improbabbli minħabba li  l-Papa Benedittu kien irtira mill-kariga.

Jiġri x’jiġri, pero, il-Kardinal Mario Grech qed jissemma’ bħala wieħed mill-favoriti li jkun suċċessur tal-Papa Franġisku. Favoriti miegħu hemm l-Ungeriż, Peter Erdo, il-Ġermaniż Wim Eijk u l-Kanadiż Marc Ouellet, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, Pietro Parolin u l-Filippin Luis Tagle. Filwaqt li Mario Grech sar Kardinal fl-2020 it-Times of London, qalet li l-ebda Kardinal imsemmi m’għandu l-appoġġ biex jassigura l-maġġoranza ta’ żewġ terzi meħtieġa biex ikun elett Papa matul il-konklavi. B’kollox hemm 117-il kardinal eliġibbli li jivvotaw. 67 minnhom ġew maħtura mill-Papa Franġisku, 38 mill-Papa Benedittu XVI u 12 ġew maħtura mill-Papa Ġwanni Pawlu II.

Kif wieħed seta’ jara meta l-Papa Franġisku kien f’pajjiżna, sfortunatament il-kundizzjoni ta’ saħħtu qed tqajjem tħassib. Saħħet il-Papa kompliet tmur għall-agħar fl-aħħar jiem u r-rapporti li fihom issemma’ Mario Grech, jaslu fl-isfond ta’ dan. Filfatt, wara li ġie f’pajjiżna, il-Papa ħassar uħud mill-pjanijiet li kellu minħabba problemi fl-irkoppa. Is-sitwazzjoni sfortnatament gravat tant li l-Papa, li issa għandu 85 sena, fl-aħħar jiem deher f’siġġu tar-roti għall-ewwel darba.