Internazzjonali

Rapporti li l-Ukrajna rebħet il-battalja f’Kharkiv

Rapporti qed jindikaw li l-Ukrajna rnexxiela ġġiegħel lill-forzi Russi jirtiraw minn Kharkiv.

Din qed tkun deskritta bħala rebħa ta’ parti minn battalja li ilha għaddejja għal numru twil ta’ ġimgħat. Rebħa li tqawwi qalb l-Ukreni anke għall-importanza strateġika li għandha din il-belt ta’ Kharkiv.

Il-ħtif ta’ Kharkiv kien objettiv ewlieni għall-President Russu u fit-tentattiv biex jirbħu din il-belt, ir-Russi, qatlu numru kbir ta’ ċivili.

Kelliem ghall-armata Ukrena kien ikkwotat jgħid li fir-reġjun inkwistjoni, issa, qed ikun aċċertat li jirtiraw ir-Russi kollha. Dan fost rapporti oħran li qed jindikaw li l-movimenti militari f’din il-belt kwietaw ħafna meta kkumparat mas-sitwazzjoni ta’ ftit tal-ġimgħat ilu.

Din l-aħbar pożittiva għall-Ukrajna tasal meta fil-viċinanzi, preċiżament f’Dergachi li tinsab 10km ‘il bogħod minn Kharkiv, għadhom għaddejjin il-bumbardamenti minn Moska. Filfatt, jidher li l-attakki tal-armata ta’ Vladimir Putin, laqtu maħżen tal-armi fir-reġjun.

Fl-aħħar indirizz tiegħu, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky qal li l-forzi tal-Ukrajna qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jeħilsu lill-pajjiż minn din il-pjaga li issa qed taffettwa wkoll lill-Ewropa u lid-dinja kollha.

Il-President tal-Ukrajna qal ukoll li għaddejin negozjati “diffiċli ħafna” dwar l-evakwazzjoni ta’ ġellieda midruba minn Mariupol. Fl-indirizz tiegħu Zelensky tenna t-twissija tiegħu li l-imblokk tar-Russja tal-portijiet tal-Ukrajna qed jirriskja illi jwassal għal kriżi globali tal-ikel.

Intant, fi żviluppi oħra, fis-sigħat li ġejjin il-ministri tal-affarijiet barranin mill-pajjiżi tan-NATO se jiltaqgħu f’Berlin hekk kif l-Isvezja u l-Finlandja qed jersqu eqreb biex jingħaqdu mal-alleanza militari tal-Punent.