Lokali Qorti

Żewġ nisa mill-Amerika t’Isfel jammettu li dawru appartament f’burdell

Żewġ nisa mill-Amerika t’Isfel ġew ikkundannati għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom, fosthom dik ta’ żamma ta’ burdell f’appartament.

In-nisa, waħda mill-Kolumbja u l-oħra mill-Venezwela tressqu l-Qorti l-Ħadd filgħodu quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella, fejn instemgħa kif l-awtoritajiet saru jafu b’dan il-burdell għaliex waħda mit-tfajliet talbet għall-għajnuna wara li ħassitha ma tiflaħx.

Malli l-Uffiċjali tal-Pulizija waslu fil-post sabu lit-tfajla inkwistjoni taħt l-effett tal-alkoħol fejn sussegwentament hija ġiet imwassla d-dar mill-istess uffiċjali fejn hemm sabu wkoll tfajla oħra.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Joseph Busuttil saħaq li hawnhekk il-Pulizija nnotaw kmamar tas-sodda li evidentament bdew jintużaw għal attivitajiet sesswali b’intent ta’ burdell.

Wara investigazzjoni fuq it-tgħamir elettroniku tal-persuni involuti ħareġ fid-deher li kienu qed jirċievu ħlas bi flus b’rabta ma’ attivitajiet sesswali.

Fil-Qorti ingħad ukoll li l-akkużati kellhom visa skaduta u li xtaqu jitilqu minn pajjiżna.

Għaldaqstant il-Maġstrat spjegat li minħabba li ż-żewġt akkużati għandhom fedina penali nadifa u li kkoperaw bi sħiħ mal-Pulizija fi stadju bikri huma ngħataw biss sentenza sospiża flimkien ukoll ma’ multa ta’ €50.