Futbol Sport

Floriana jirbħu l-FA Trophy b’gowl ta’ Ciolacu fil-ħin barrani

(Ritratt: Joseph Galea)

Matthias Mizzi

VALLETTA……………..1

FLORIANA……………..2

Valletta: A. Guarnone, T. Caruana (J. Borg 96’), C. Gauci (R. Camilleri 108’), A. Zammit (S. Dimech 73’), E. Pena Beltre, D. Promise (L. Campos 108’), I. Curjuric (K. Tulimieri 73’), R. Muscat, E. Sala, C. Prado, M. Fontanella

Floriana: G. Kitanov, A. Magri Overend, C. Rutjens, O. El Hasni, K. Keqi (A. Ciolacu 68’), J. Arias (D. Agius 103’), M. Garcia (R. Hovsepyan 68’), B. Paiber (M. Veselji 68’), E. Callegari, J. Busuttil, R. Camenzuli

Imwissija: E. Pena Beltre 44’, J. Arias 62’, Z. Cassar 62’, M. Fontanella 74’, R.Hovsepyan 79’, A. Guarnone 95’, M. Veselji 100’, E. Sala 108’, A. Magri Overend 115’

Skorjaw: J. Busuttil 19’ , M. Fontanella 51’ (PEN), A. Ciolacu 111’

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri & Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Jan Busuttil (Floriana) 

Floriana huma r-rebbieħa tal-IZIBET F.A. Trophy permezz ta’ gowl mill-isbaħ minn Andrea Ciolacu fil-ħin barrani, minkejja penalty mitluf ftit tal-minuti qabel.

Bidu b’saħħtu għal Floriana biex wara biss erba’ minuti Kristian Keqi ra’ x-xutt tiegħu mblokkat minn Alessandro Guarnone. Mill-istess attakk Garcia reġa’ tefa’ kross ieħor lejn il-kaxxa, bid-daqqa’ ta’ ras ta’ Jose Arias għaddiet viċin. Sitt minuti wara Floriana reġgħu kienu perikolużi b’xutt mal-ewwel tal-attakkant Keqi li għadda minn fuq il-mimduda. B’dan il-bidu mill-aqwa, Floriana ġustament irnexxielhom jiskurjaw fid-19-il minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras miż-żagħżugħ Jan Busuttil wara kross preċiż ta’ Arias. Guarnone żamm lit-tim tiegħu fil-logħba meta fit-23 minuta kien attent biex salva xutt b’saħħtu mis-solitu Keqi.

Fit-tieni taqsima Valletta ħarġu mal-ewwel fuq l-offensiva biex fis-47 minuta huma rebħu penalty wara li Andrea Zammit ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Adam Magri Overand. Mill-ħdax-il metru Mario Fontanella ma żbaljax b’xutt minn taħt il-goalkeeper Kitanov u għamel l-iskor indaqs. Fid-69 minuta Arias ittanta xortih mill-bogħod permezz ta’ free-kick iżda Guarnone kien attent u salva x-xutt fl-anglu. Fl-aħħar mumenti tad-disgħin minuta kompliet il-prestazzjoni mill-aqwa għall-goalkeeper Guarnone meta minn corner leħħa l-ballun minn fuq il-linja. Bir-riżultat ta’ 1-1 il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.

Fil-ħin barrani, proprju fil-105 minuta ir-referee inkarigat Matthew Degabriele saffar għal penalty favur Floriana wara li Rowen Muscat deher iwaqqa’ lil plejer tal-Greens u bil-Beltin jipprotestaw għal din id-deċiżjoni. Mill-ħdax-il metru Jan Busuttil tefa’ l-ballun barra. Minkejja li tilfu dan iċ-ċans, il-Furjaniżi ma qatgħux qalbhom biex fil-111-il minuta Andrea Ciolacu venven xutt mal-ewwel li spiċċa fix-xibka wara pass preċiż fuqu minn Busuttil.