Lokali

Għawdex fost mitt belt Ewropea newtrali għall-klima sal-2030

Peter Agius jitkellem ma’ Il-Mument u jistqarr li dan hu possibbli iżda rridu mmorru lil hinn mill-buzzwords u ninvolvu l-atturi lokali

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kif ippubblikat lista ta’ mitt belt biex isiru newtrali għall-klima sal-2030. Fost bliet bħal Ruma, Madrid u Pariġi, Għawdex hu wkoll parti minn din il-mira ambizzjuża tal-Unjoni Ewropea.

“Din hi opportunità biex jinħolqu impjiegi ta’ kwalità, tingħata spinta lill-innovazzjoni, jiġu sfruttati l-fondi tal-Unjoni Ewropea u titmexxa ’l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali,” ikkummenta ma’ Il-Mument Peter Agius, il-Kelliem Uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista wara t-tħabbira tal-Kummissjoni Ewropea.

Madwar 377 belt applikaw minn madwar l-Ewropa u fil-lista finali, stati membri żgħar bħal Malta, Ċipru u l-Lussemburgu għandhom belt waħda elenkata. Il-bliet magħżula jinkludu Ruma, Pariġi, Madrid u Munich.

Peter Agius qal li Għawdex diġà kien ġie allokat biex isir gżira ekoloġika fil-passat iżda sforzi preċedenti kienu mwarrba biex jagħmlu spazju għal żvilupp rampanti mingħajr pjan jew viżjoni ċara għal Għawdex.

Filwaqt li laqa’ l-inklużjoni ta’ Għawdex fil-lista ta’ Bliet Newtrali għall-Klima, Peter Agius enfasizza l-ħtieġa li jkun hemm impenn politiku u li l-partijiet interessati jingħaqdu flimkien biex tkun żgurata l-fiduċja tal-komunitajiet lokali biex tintlaħaq din il-mira.

“Neħtieġu azzjonijiet konkreti u inizjattivi ġodda li jwasslu għall-bidla u biex dan ma jkunx sempliċiment eżerċizzju ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Irridu mmorru lil hinn minn buzzwords. Sitt karozzi tal-linja li jaħdmu bix-xemx — investiment ta’ €2.5 miljun — baqgħu abbandunati fi scrapyard fix-Xagħra, Għawdex għal snin sħaħ. Wara pressjoni min-naħa tagħna, dawn il-karozzi tal-linja li jaħdmu bix-xemx issa qed jintużaw għall-park and ride.

Il-Gvern jeħtieġ li jiżgura li f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima, jimxi lil hinn mil-lingwaġġ tekniku u jaġixxi fuq dak li jgħid. “Aħna rridu nibdew minn Għawdex billi ninvolvu l-atturi kollha tal-ekonomija Għawdxija.”

Peter Agius fisser li hemm ħafna modi differenti kif tista’ tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija li qed tintuża fil-kontinent. Ftit li xejn qed isir sforz f’Malta u Għawdex biex naġġornaw ruħna maż-żminijiet u mat-teknoloġija. Suppost implimentajna d-Direttiva Ewropea dwar l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini iżda għadna nibnu blokok ta’ appartamenti bil-briks normali.

Għandna problema serja ta’ skart tal-annimali iżda ma ninvestux f’impjanti tal-enerġija tal-bijomassa jew f’impjanti għall-konverżjoni tal-fertilizzanti bħalma sar fl-Italja, fin-Netherlands u f’diversi postijiet oħra fl-Unjoni Ewropea. L-iskop li Għawdex isir newtrali għall-klima sal-2030 jista’ jservi bħala katalist għall-bidla f’dawn l-oqsma kollha.”

Il-modifika retroattiva ta’ bini pubbliku biex isir effiċjenti fl-użu tal-enerġija, it-titjib tat-trasport pubbliku lokali, l-iżgurar ta’ mobbiltà nadifa permezz ta’ vetturi u roti elettriċi, iż-żieda ta’ zoni ekoloġiċi f’zoni urbani, l-iżgurar li l-ODZs jibqgħu mhux mittiefsa u l-inċentivar tas-settur privat biex jinvesti f’soluzzjonijiet sostenibbli huma wħud mill-aspetti ewlenin li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex tinkiseb in-newtralità klimatika.

Il-missjoni dwar il-bliet newtrali għall-klima u intelliġenti, flimkien ma’ erba’ missjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea jkopru l-isfidi globali fl-oqsma tal-adattament għat-tibdil fil-klima.

Dawn jinkludu r-restawr tal-oċeani u l-ilmijiet tagħna, ħamrija b’saħħitha u l-ġlieda kontra l-kanċer. L-Unjoni Ewropea għandha l-iskop li tkun newtrali għall-klima sal-2050 — li tfisser ekonomija b’emissjonijiet ta’ gassijiet serra zero netti.

Dan l-iskop jinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u hu skont l-impenn tal-Unjoni Ewropea għal azzjoni klimatika globali skont il-Ftehim ta’ Pariġi.

X’inhuma l-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea?

Il-Missjonijiet tal-Unjoni Ewropea, ispirati parzjalment mill-missjoni Apollo 11 li tpoġġi l-bniedem fuq il-qamar, huma impenn biex jissolvew l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, fosthom:

  • il-ġlieda kontra l-kanċer;
  • l-għajxien fi bliet iktar ekoloġiċi;
  • l-iżgurar tas-saħħa tal-ħamrija għal ikel tajjeb għas-saħħa, u għal nies, natura u klima f’saħħithom; u
  • l-ħarsien tal-oċeani tagħna.

Kull missjoni tal-Unjoni Ewropea se jkollha skeda ta’ żmien u baġit speċifiku skont id-diffikultà tal-isfida. Se jmorru lil hinn mir-riċerka u l-innovazzjoni, u se jrawmu l-innovazzjoni fost is-setturi biex iwasslu soluzzjonijiet effettivi.

Barra minn hekk, il-missjonijiet se jaqdu rwol kruċjali biex jiksbu l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew biex jingħeleb il-kanċer.

L-Unjoni Ewropea tenħtieġ lil kulħadd biex jitwettqu dawn il-missjonijiet. S’issa l-Bordijiet tal-Missjonijiet, magħmula minn taħlita ta’ esperti mill-qasam tal-innovazzjoni, tar-riċerka, tat-tfassil tal-politika, tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-prattikanti, kienu qed jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea jispeċifikaw missjonijiet possibbli.

Issa wasal iż-żmien li ninvolvu liċ-ċittadini Ewropej biex ikun żgurat li l-missjonijiet ikunu rilevanti u tabilħaqq jagħmlu d-differenza. Jekk naħdmu flimkien nistgħu niksbu ħafna iktar.

Bliet newtrali għall-klima u intelliġenti

Il-bliet ikopru madwar tlieta fil-mija tal-art fid-dinja, iżda jipproduċu iktar minn 70% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha. Fl-Ewropa, huwa stmat li sal-2050 kważi 85% tal-Ewropej se jkunu qed jgħixu f’zoni urbani. Huwa għalhekk li l-emerġenza klimatika attwali jeħtieġ tiġi indirizzata fil-bliet u miċ-ċittadini tagħhom.

Il-Bord tal-Missjonijiet għal bliet newtrali għall-klima u intelliġenti identifika l-missjoni li ġejja: Ikollna 100 belt newtrali għall-klima sal-2030.

Il-Missjoni Bliet newtrali għall-klima u intelliġenti 100 belt newtrali għall-klima sal-2030 – miċ-ċittadini u għalihom.

Il-missjoni dwar il-bliet newtrali għall-klima u intelliġenti, tippromwovi u tipproġetta 100 belt Ewropea fit-trasformazzjoni tagħhom lejn in-newtralità klimatika sal-2030 u tagħmel minn dawn il-bliet ċentri ta’ esperimentazzjoni u innovazzjoni għall-bliet kollha.

Kull waħda minn dawn il-100 belt instigaturi, li jaċċettaw il-missjoni li jsiru newtrali għall-klima sal-2030, se jiffirmaw Kuntratt tal-Belt għall-Klima, aġġustat skont ir-realtajiet ta’ kull belt, u żviluppat permezz ta’ proċess ta’ kokreazzjoni sabiex l-ilħna fil-livelli kollha jinstemgħu.

Ir-rwol tal-abitanti tal-bliet

Dawk li jgħixu fil-bliet se jkunu fil-qalba ta’ din il-missjoni. Tabilħaqq, huma produtturi, konsumaturi, atturi politiċi jew viżitaturi. Għandhom impatt kbir fuq l-ambjent u l-klima, u jistgħu jmexxu t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Il-Kuntratt tal-Belt għall-Klima se jagħti lin-nies u lis-soċjetà ċivili rwol attiv u jipprovdilhom pjattaformi ġodda biex jaġixxu kif ukoll riżorsi aħjar biex ifasslu u jimplimentaw azzjonijiet għall-klima.

Għal dan il-għan, il-bliet jeħtieġ jiżviluppaw approċċi effettivi biex jimmobilizzaw il-komunitajiet u jinfluwenzaw u jinċentivaw il-bidla fl-imġiba.

In-nies jistgħu jsiru aġenti tal-bidla, permezz ta’ inizjattivi li jibdew minn isfel għal fuq, innovazzjoni u permezz ta’ forom ġodda ta’ governanza. L-objettivi tal-missjoni jinkludu t-trawwim ta’ tranżizzjoni ġusta li ttejjeb is-saħħa u l-benessri tan-nies, u li ġġib magħha bosta benefiċċji oħra għat-tranżizzjoni, bħal kwalità tal-arja mtejba, il-ħolqien tax-xogħol u stili ta’ ħajja iktar sani.

Tul l-2020, il-Bord tal-Missjonijiet għal bliet newtrali għall-klima u intelliġenti taw widen għall-prijoritajiet u t-tħassib tan-nies fil-bliet mal-Unjoni Ewropea kollha. Dak li semgħu f’dawn l-avvenimenti se jsawwar ir-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord tal-Missjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea.