Lokali

“Il-familja tibqa’ fiċ-ċentru sabiex soċjetà tissaħħaħ u tirnexxi” – PN

“Bħala l-benniena li twelled u trawwem il-ġenerazzjonijiet ta’ żmienna u ta’ għada, il-familja tibqa’ mill-aktar fundamentali biex soċjetà tissaħħaħ u tirnexxi.”

Sostna dan il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Familji, David Agius, li spjega li fil-Jum Internazzjonali tal-Familja jixraq li nfakkru l-ħidma, is-sagrifiċċji u d-dedikazzjoni tal-familji tagħna. Infakkru t-tbatijiet li jġarrbu, b’mod partikolari dawk li f’pajjiżhom għandhom it-taqlib, il-gwerer u l-faqar. Lil dawk li tilfu kollox, lit-tfal li sfaw iltiema u lill-familji li jixtiequ jkollhom l-ulied.

Huwa  wassal messaġġ ta’ ringrazzjament lill-familji Maltin u Għawdxin tal-impenn tagħhom fis-skiet għas-soċjetà tagħna, saħaq dwar l-importanza li nfasslu prijoritajiet u nwettqu politika li jpoġġu lill-bniedem – u għaldaqstant lill-familji tagħna – fiċ-ċentru tagħhom.