Internazzjonali

Il-Finlandja u l-Isvezja jikkonfermaw formalment l-impenn lejn sħubija fin-NATO

Il-President tal-Finlandja, Sauli Niinisto, ikkonferma li pajjiżu għandu japplika formalment – u storikament – biex jissieħeb fl-Alleanza tan-NATO, wara għexieren ta’ snin ta’ newtralità. Il-konferma ngħatat wara telefonata, nhar is-Sibt, bejn Niinisto u l-President tar-Russja Vladimir Putin, b’talaħħar ifisser dan il-pass mill-Finlandja bħala ‘żball’.

Fil-verità, ftit kien hemm dubju li l-Finlandja qed taħseb biex issir membru tal-Alleanza tal-Punent wara li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun qalbet ferm għall-agħar wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

U f’dawn il-jiem ta’ inċertezza, żdied bil-kbir l-appoġġ fost il-Finlandiżi biex pajjiżhom iwarrab mill-politika tan-newtralità u jissieħeb fin-NATO – b’mod partikulari minħabba ‘l-arja ta’ inċertezza’ xprunata mill-Kremlin ta’ Moska.

Il-Finlandja qed taqsam fruntiera (mill-art u mill-baħar) mar-Russja u l-Prim Ministru Sanna Marin (ritratt) esprimiet tama li l-Parlament ta’ Helsinki, ftit jiem oħra, jikkonferma d-deċiżjoni biex pajjiżha japplika għal sħubija fin-NATO. Marin qed tittama li l-applikazzjoni ta’ pajjiżha tkun tista’ tibbaża fuq mandat qawwi ladarba jsir il-proċess fil-Parlament għall-evalwazzjoni ta’ dan il-pass storiku.

Hi kompliet li l-Finlandja qed ikollha l-kuntatti mill-qrib mal-Istati tan- Alleanza u li n-NATO irringrazzjat lil pajjiżha għall-appoġġ tal-Finlandiżi lill-istess Alleanza. Sanna Marin kompliet li ma tarax ‘ostakoli’ għall-isħubija ta’ pajjiżha fin-NATO ‘meta l-Finlandja hi diġà sieħba prominenti tal-Alleanza tal-Punent’.

Il-President Niinisto qal li Finlandja, sadanittant, xorta se teħtieġ relazzjoni mar-Russja. Hu spjega li wieħed irid jiftakar li l-isħubija tal-Finlandja fin-NATO ‘mhix se tibdel il-ġeografija’ waqt li  ‘mgħandux dubju li r-Russja lesta biex tkompli bl-obbligi li huma fl-interess taż-żewġ pajjiżi’.

Sadanittant, l-Iżvezja – pajjiż Skandinav ieħor qrib ir-Russja – ukoll qed tavviċina l-isħubija fl-Alleanza tan-NATO, bl-impenn mistenni li jirranka matul il-jiem li ġejjin.