Lokali Qorti

Il-Ġimgħa tibda l-kumpilazzjoni tas-Sirjan mixi bil-qtil ta’ ko-nazzjonali

Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Maher Aljasem ta’ 24 sena, Sirjan residenti Marsalforn mixli bil-qtil tal-ko-nazzjonali Fawez Najem ta’ 25 sena (ritratt) se tibda tinstema’ nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Mejju quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Kollox jindika li l-vittma nqatel b’daqqa ta’ sikkina f’qalbu f’appartament.

Meta tressaq fil-Qorti t’Għawdex nhar it-Tnejn 9 ta’ Mejju quddiem il-Maġistrat Brigitte Sultana, Aljasem wieġeb mhux ħati li qatel lil Fawez. Huwa qed jiġi mixli wkoll li ħebb għal Sirjan ieħor u darbu ħafif u li dan seħħ wara ġlieda kbira bejn għadd ta’ rġiel Sirjani.

Aljasem joqgħod fit-triq fejn twettaq ir-reat u jaħdem bħala kaħħal. Huwa qed jiġi akkużat ukoll b’pussess ta’ arma waqt reat, li kiser il-paċi pubblika u li weġġa’ b’mod ħafif Sirjan ieħor b’sikkina. Hu qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Hu kien tressaq il-Qorti liebes ‘bulletproof vest’ u kien eskortat minn erba’ membri tal-korp tal-Pulizija.

Il-provi se jinstemgħu wkoll fil-Qorti ta’ Għawdex peress li r-reat seħħ fil-gżira tat-tliet għoljiet fejn il-prosekuzzjoni mistennija tagħti stampa ċara tal-ġlieda kbira li nqalgħet u li wasslet għal dan ir-raba’ omiċidju tas-sena, li tnejn minnhom seħħew f’Għawdex, li jfisser rata ta’ omiċidju kull xahar.

Meta tressaq ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-akkużat inżamm arrestat. Nhar il-Ġimgħa filgħodu il-prosekuzzjoni mistennija tressaq il-każ tagħha ta’ kif seħħew l-avvenimenti li wasslu għal dan id-delitt. Ftit tal-ħin qabel ma tressaq quddiem il-qorti r-raġel akkużat bil-qtil ta’ Najem, nġabru grupp ta’ Sirjani, u li mal-wasla tal-akkużat seħħet kommossjoni kbira, kkaratterizzata minn ħafna għajjat,

Il-vittma tilef ħajtu wara argument li seħħ is-Sibt, 7 ta’ Mejju f’appartament fi Triq il-Wied, Marsalforn, Għawdex. Il-ġlieda bejn żewġ gruppi ta’ Sirjani, bdiet is-Sibt filgħodu u kompliet tiskala sa filgħaxija. Il-Pulizija tad-Distrett b’kordinazzjoni mar-Rapid Intervention Unit (RIU) kienu marru fuq il-post wara li ġew infurmati mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li tliet irġiel kienu daħħlu l-isptar żagħżugħ fil-periklu li jitlef ħajtu.

Najem kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara li ddaħħal l-isptar minkejja l-interventi tat-tobba u l-paramediċi. Dak inhar tal-inċident, l-isptar iddaħħlu wkoll tliet Sirjani oħra li kienu involuti fl-argument u dan wara argument li seħħ bejn il-grupp ta’ Sirjani li l-età tagħhom tvarja bejn l-24 sena u d-29 sena u waqt l-argument intużaw diversi oġġetti iebsin fosthom injam, siġġijiet u s-sikkina.

Kollox jindika li kienu tmien Sirjani nvoluti fil-ġlieda u li hemm minnhom li qegħdin jgħinu lill-Pulizija u għandhom jixhdu fil-Qorti b’rabta ma’ dan id-delitt. Fil-fatt iż-żgħażagħ Sirjani kollha jafu lil xulxin sew, u ġimgħat qabel seħħ id-delitt huma kellhom xi jgħidu fuq xi flus u nisa. Dan wassal biex hawn kienu ffurmati żewġ gangs, u kellhom anke xi jgħidu f’ħanut f’Marsalforn.

L-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri qed imexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-Avukati Angele Vella u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukat tal-għajnuna legali Kevin Mampalao qed jirrappreżenta lil Aljasem. L-avukati Franco Debono, Francesca Zarb, Marion Camilleri u Matthew Xuereb qed jirrrappreżentaw lill-familja tal-vittma kif ukoll lis-Sirjan li spiċċa ferut.

Aktar dwar l-omiċidji 2022

Sadanittant, nhar il-Ġimgħa, wkoll f’Għawdex, se tkompli l-kumpilazzjoni ta’ Lawrence Abina ta’ 30 sena mill-Għana li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Rita Ellul ta’ 49 sena, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Ellul kienet instabet mejta f’ appartament fi Triq Dun Frangisk Mizzi. Abina, li ammetta waqt l-interogazzjoni li wettaq il-qtil, fil-Qorti qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Ellul inqaltet f’appartament fil-lokalità ta’ Għajnsielem.

L-Avukat Joseph Grech qed jidher għal Abina. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mil-avukati Anthony Vella u Nathanial Falzon mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-Ispetturi Kurt Zahra, Josef Gauci u Wayne Camilleri. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qdd jidhru bħala parte civile f’isem il-familja tal-vittma.

Qtil ieħor li kien l-ewwel wieħed tas-sena kien dak tal-Pollakka Paulina Dembska ta’ 29 sena. Hija nqatlet kmieni filgħodu fi Ġnien Indipendenza tas-Sliema. Abner Aquilina ta’ 20 sena miż-Żejtun qed iwieġeb mhux ħati li qatel lil Dembska, fil-jum tal-Ħadd tat-2 ta’ Jannar li għadda hekk kif l-istudenta kienet qed titma’ l-qtates fil-ġnien, xi ħaġa li kienet tħobb tagħmel ta’ spiss.

Il-kumpilazzjoni ta’ Aquilina, li ġie mixli wkoll li bejn l-4.00am u s-6.00 am. stupra lit-tfajla, sskwestra kontra l-volontà tagħha u li ġiegħla tagħmel xi ħaġa li toffendi il-pudur tagħha se tkompli l-Ġimgħa, 3 ta’ Ġunju fl-10am. quddiem il-Maġistrat Mars-Anne Farrugia.

L-Avukat Mario Mifsud qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher bħala parte civile għan-nom tal-familjari ta’ Dembska. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Anthony Vella, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Jonathan Ransley u Wayne Camilleri.

L-aħħar omiċidju ta’ din is-sena seħħ f’Marzu fejn Eliot Paul Busuttil, residenti Ħ’Attard qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke. Il-katavru ta’ Mario Farrugia kien instab fil-‘luggage boot’ tal-karozza tiegħu stess fil-Wied ta’ Ħal Qormi. L-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni saret fis-6 ta’ Mejju li għadda quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima,

Fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni ħareġ li l-karozza ta’ Farrugia kienet ġiet ipparkjata fis-6 ta’ Marzu fis-6am. u li minnha ħareġ l-akkużat u li mexa tul il-wied. Testijiet mediċi wasslu biex jiġi stabbilit li l-vittma qala’ aktar minn 40 daqqa ta’ sikkina, bil-probabbiltà kbira li meta ġie mitfugħ u aggredit fil-bagoll stess fejn huwa nstab.

Għal Busuttil qegħdin jidhru l-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila filwaqt li l-Avukati tal-familja ta’ Mario Farrugia huma Arthur Azzopardi u Jacob Magri. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati George Camilleri, Maria Schembri u Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispetturi Wayne Camilleri, Jean-Paul Attard u Kurt Zahra. Is-seduta mistennija tkompli fis-16 ta’ Ġunju li ġej.