Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: ‘Il fuq minn 100 sptarijiet meqruda mir-Russi

L-Armata tar-Russja, mill-bidu tal-gwerra  qerdet kompletament ‘il fuq minn 100 bini ta’ sptar u faċilitajiet għall-kura tas-saħħa fl-Ukrajna. Dan waqt li madwar 600 faċilità tas-saħħa oħrajn ġarrbu l-ħsarat kbar mill-bumbardamenti tal-artillerija Russa.

Iċ-ċifra ngħatat miċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa tal-Ukrajna,  Mykhaylo Radutskyy, li sostna li l-attakki fuq l-isptarijiet ma kenux ‘aċċidentali’. Fil-fatt, hu sostna li l-kumplessi  tas-saħħa fl-Ukrajna ilhom mira speċifika tal-qawwiet Russi sa mill-bidu tal-konflitt.

Mykhaylo Radutskyy qal li l-isparar tar-Russi fuq l-infrastruttura medika hi parti minn tattika partikulari ta’ Moska għaliex il-Kremlin qiegħed jitlef it-tama li jaħtaf it-territorji Ukreni.  Hu kompla li l-missili u l-bombi tar-Russi huma ‘intenzjonati’ biex iċ-ċittadini jispiċċaw mingħajr sptarijiet, kumplessi tal-maternità u tobba, bħala parti mill-ġenoċidju tal-poplu tal-Ukrajna. .

Dan meta magħruf ukoll li mietu numru ta’ nisa u tfal waqt l-attakki tar-Russi fuq il-faċilitajiet mediċi tal-Ukrajna – u b’mod partikulari fuq fil-belt ta’ Mariupol.