Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Zelensky lest biex ikellem lil Putin, iżda mingħajr intermedjarji

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li hu lest biex ikellem direttament lill-President tar-Russja, Vladimir Putin.

Madankollu – u waqt li kompla jesprimi rabja ‘għall-gwerra li l-Kremlin qed iwettaq fuq iċ-ċivili Ukreni’– il-President Zelensky, waqt kummenti lill-istazzjon televiżiv Taljan, Rai 1, qal li jaċċetta biss li jkellem lil Putin ‘mingħajr il-preżenza tal-intermedjarji’.

Fl-istess ħin, Zelensky hu lest jitkellem ma’ Putin biss ‘fuq it-termini tad-djalogu u mhux fuq it-termini ta’ xi ultimatum’.

L-osservaturi barranin mhumiex qed jistennew tassew li ssir din il-laqgħa wiċċ-imb-wiċċ bejn Zelensky u Putin. Dan waqt li l-Mexxej Ukren qal li ‘l-ewwel pass ċar lejn dan id-djalogu għandu jsir aktar possibbli ladarba r-Russja tirtira lit-truppi tagħha mill-Ukrajna.’

Volodymyr Zelensky kompla li aktar ma jfeġġu każi ta’ ‘brutalità sfaċċata’ mit-truppi Russi fl-Ukrajna, aktar tonqoslu t-tolleranza għal kwalunkwe negozjati mar-Russja. Dan wara li fl-aħħar ġimgħat ħarġet il-konferma tal-massakri ta’ ċivili Ukreni — li spiċċaw mira speċifika tal-militar ta’ Putin  f’Bucha, Borodyanka u Mariupol

Ir-rappreżentanti tal-Ukrajna u r-Russja ilhom ma jidħlu f’taħditiet wiċċ-imb-wiċċ mid-29 ta’ Marzu. Dan waqt li n-negozjatur ewlieni ta’ Moska, Vladimir Medinsky, qal li ‘minn dakinar’ it-taħditiet għall-paċi mal-Ukreni baqgħu jsiru bil-mezzi remoti.