Lokali

“Inħarsu ‘l quddiem f’ħidma diretta man-nies, għan-nies” – Bernard Grech

“Għandna grupp parlamentari mġedded, magħqud u b’saħħtu”.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kollegament telefoniku l-Ħadd filgħodu fuq il-mezzi tax-Xandir ta’ Net b’reazzjoni għall-ewwel ġimgħa mill-ftuħ mill-ġdid tal-Parlament Malti wara l-Elezzjoni Ġenerali fejn insista li l-ħidma m’għandha tieqaf qatt sabiex il-Partit Nazzjonalista ikun partit rebbieħ mill-ġdid.

Fid-dawl tal-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, li se tkun qed issir aktar tard dan ix-xahar, Bernard Grech, li kien l-unika li wera interess għal din il-pożizzjoni, spjega li l-ħidma tiegħu għaddejja ġmiela hekk kif qiegħed jagħmel numru ta’ laqgħat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex ma’ diversi kunsilliera.

Huwa qal li bħal ma għamel dejjem, qiegħed jagħti widen lil kumitati u organi fi ħdan il-Partit filwaqt li insista dwar il-bżonn li jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet mingħajr telf ta’ żmien.

Bernard Grech spjega li f’sena u nofs kemm ilu li laħaq kap tal-Partit Nazzjonalista ħa numru ta’ deċiżjonijiet li kellhom bżonn jittieħdu iżda insista li huwa biss mandat b’saħħtu li jkun jista’ jagħmel il-bidliet li jixtieq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Partit Nazzjonalista lest jilqa’ fi ħdanu persuni li verament jixtiequ jagħmlu differenza kemm għall-Partit kif ukoll għal pajjiż filwaqt li insista li din il-ħidma trid issir mhux biss ma’ nies ġodda, iżda ankè ma’ oħrajn li għandhom esperjenza.

Filwaqt li Bernard Grech insista dwar il-bżonn ta’ dixxiplina serja, huwa saħaq li qatt ma xeħet il-problemi taħt it-tapit u għalhekk li  jrid idawwar l-isfidi f’opportunitajiet sabiex dan il-partit ikun rebbieħ mill-ġdid.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-intervent li għamel fil-Parlament Malti il-President Ukren Volodymyr Zelensky, fejn saħaq dwar il-bżonn li nagħtu kull sostenn meħtieġ lil dan il-pajjiż sabiex fil-futur l-ebda pajjiż ma jgħaddilu minn moħħu li għandu d-dritt li jinvadi pajjiż ieħor għad-detriment tal-ħajjiet taċ-ċivili u mhux biss.

Intant, l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista se tkun qed issir bejn is-27 u t-28 ta’ Mejju fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll fis-Sub Headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta Sannat, Għawdex.

Dan filwaqt li l-early voting, se tkun qed tiġi organizzata fit-23 ta’ Mejju kemm fid-Dar Ċentrali kif ukoll f’Ta Sannat, Għawdex.