Internazzjonali

Ir-rebħa tal-Ukrajna fil-Eurovision bagħtet ‘messaġġ qawwi lil Putin’

Il-Viċi-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Mircea Geoana, qal li r-rebħa tal-Ukrajna fil-konkors tal-kanzunetta tal-Eurovision uriet, fuq kollox, l-appoġġ taċ-ċittadini tal-Ewropa għall-kuraġġ li qegħdin juru l-Ukreni huma u jiddefendu arthom kontra l-invażjoni tal-qawwiet Russi.

It-trijonf tal-grupp Kalush Orchestra – li jispeċjalizza fil-mużika rap-folk – jissimbolizza s-solidarjetà ta’ kontinent sħiħ għal pajjiż li qed jiġġieled għall-eżistenza u l-identità tiegħu, b’Geoana isostni li l-pajjiżi li vvutaw lill-Ukrajna ‘riedu jibgħatu messaġġ ta’ kundanna lill-President Russu Vladimir Putin talli qabbad l-aktar gwerra ċinika u brutali tat-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn’.

Il-Kalush Orchestra – li ngħataw permess speċjali biex joħorġu mill-Ukrajna u jikkompetu fil-finali tal-konkors fl-Italja – rebħu l-Eurovision grazzi għall-vot tal-pubbliku minn madwar il-kontinent.

Mircea Geoana qal li Vladimir Putin ‘x’aktarx li baqa’ sorpriż ħafna bil-qlubija tal-poplu Ukren u bis-sens tal-għaqda fost il-pajjiżi tal-Punent’. Hu kompla li s-suċċess tal-Ukreni fil-Eurovision jissimbolizza wkoll id-determinazzjoni tal-Ewropa u l-Punent biex jgħinu lill-Ukrajna ħalli tirbaħ din il-gwerra.

Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien fost l-ewwel nies li ferħu lill-Kalush Orchestra u sostna li l-kuraġġ li qegħdin juru l-Ukreni ‘qiegħed jimpressjona lid-dinja’.