Futbol Sport

Man City jirkupraw żvantaġġ doppju u d-destin tat-titlu issa jinsab f’idejhom

(Ritratt: EPA)

Manchester City, iċ-Champions tal-Ingilterra, salvaw dro drammatiku, 2-2, kontra West Ham United fil-London Stadium, biex b’hekk huma żiedu l-vantaġġ f’ras il-klassifika għal erba’ punti fuq Liverpool. Dan meta r-Reds iridu jirbħu bilfors il-logħba tagħhom ma’ Southampton biex iħallu t-tamiet għal-league ħajjin sal-aħħar ġurnata. Il-bidu tal-konfront ma setax kien agħar għas-Citizens, b’West Ham jieħdu l-vantaġġ mill-ewwel azzjoni denja fuq il-lasta ta’ Ederson, b’Jarrod Bowen (24) jirċievi mingħand Fornals qabel dar mal-gowlkiper ta’ City u xeħet ġewwa minn angolu diffiċli għal 1-0. Il-gowl ħasad lil City li wettqu reazzjoni qawwija – qabel sabu ruħhom żewġ gowls minn taħt sekondi mill-mistrieħ.

U hawn reġa’ kien Bowen, li kellu staġun stupend għal West Ham, li għeleb in-nasba tal-offside biex jegħleb mill-ġdid lil Ederson b’xutt fil-baxx u preċiż. Man City ħarġu aktar determinati għat-tieni taqsima u ma damux biex naqqsu l-iżvantaġġ minn Jack Grealish (49) li x-xutt qawwi tiegħu spiċċa fix-xibka ta’ Fabianski wara li l-ballun ixxellef xi ftit mad-difensur tal-Hammers, Dawson. Fis-70 minuta, imbagħad, wasal il-gowl tad-dro meta, mill-freekick ta’ Riyad Mahrez, il-midfielder tal-Hammers Vladimir Coufal sab ix-xibka tiegħu stess bir-ras għal awtogowl klassiku li ta nifs ġdid lil City.

Kien għad fadal mument drammatiku ieħor meta s-Citizens rebħu penalty – ikkonfermat mir-referi Anthony Taylor wara konsultazzjoni mal-VAR u wara li Dawson kien waqqa lil Gabriel Jesus fil-kaxxa. Inkariga ruħu mill-ħdax-il metru Mahrez, bil-gowlkiper Fabianski jinduna bl-intenzjoni tal-Alġerin biex iwettaq save diffiċli li kellu jiswa punt għat-tim tiegħu.

Tottenham Hotspur qabżu r-raba’ fil-klassifika tal-Premier League wara rebħa minima, 1-0, fuq Burnley grazzi għall-penalty skurjat minn Harry Kane fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima. Ir-riżultat ifisser li Arsenal niżlu l-ħames, b’logħba anqas, waqt li Burnley se jkollhom jistennew sal-aħħar jum tal-kampjonat biex jaraw jekk jibdewx l-istaġun li ġej f’league inferjuri.

Aston Villa u Crystal Palace, li qed itemmu l-impenji rispettivi f’pożizzjonijiet komdi fil-klassifika, spiċċaw fi dro, 1-1, wara logħba pjaċevoli f’Villa Park. Iż-żewġ gowls waslu tard fil-konfront, b’Ollie Watkins (69) isib ix-xibka fuq l-assist ta’ Digne u b’Palace iwieġbu minn Jeffrey Schlupp (81) li skorja mill-viċin wara xogħol tajjeb minn Marc Guehi. Leeds

United salvaw draw, 1-1, ma’ Brighton ‘in-extremis’, bil-midfielder Pascal Struijk jiskorja b’daqqa ta’ ras, fil-ħin miżjud, biex żamm ħajjin it-tamiet żgħar tal-Yorkshiremen li jsalvaw l-istatus tagħhom fil-Premier League. Brighton ma kellhomx wisq interess f’din il-logħba iżda huma marru fil-vantaġġ wara 21 minuta grazzi għal Danny Welbeck. Wara l-gowl, imbagħad, il-gowlkiper tas-Seagulls, Robert Sanchez, kien kostrett li jwettaq saves tajbin fuq tentattivi ta’ Mateusz Klich u Raphinha, b’Leeds ikunu perikolużi għal ħafna ħinijiet. Intant, it-tentattivi ta’ Leeds kienu premjati meta, fit-92 minuta, Joe Gelhardt dendel ballun fil-kaxxa fejn Struijk kien fil-post eżatt biex jegħleb lil Sanchez mill-viċin għal draw mistħoqq.

Bit-tlettax ir-rebħa tal-istaġun, Brentford telgħu fil-ħdax il-post b’46 punt filwaqt li Everton baqgħu fis-16 il-post b’36 punt bl-unika konsolazzjoni għas-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha li lgħabu partita anqas mill-avversarji diretti. Fl-10 minuta, Everton fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Richarlison kien DOMINIC CALVERT LEWIN li għeleb lil David Raya.Fis-37 minuta l-iskor sar 1 – 1. Fuq azzjoni ta’ Toney , SEAMUS COLEMAN ikkommetta auto-goal wara li għeleb lil Jordan Pickford. Fit-tieni minuta ta’ ħin miżjud Everton fil-vantagg. Wara foul ta’ Mads Bach fuq Richarlison, Michael Oliver saffar penalty bl-istess RICHARLISON jgħeleb lil Raya. Fit-tieni taqsima fit-62 minuta minn azzjoni ta’ Christian Eriksen, YOANE WISSA għamel l-iskor 2 – 2. Żewġ minuti wara Brentford fil-vantaġġ permezz ta’ RICO HENRY li minn pass ta’ Christian Noergaard għeleb lil Pickford 3 – 2 . Riżultat li biħ intemmet il-partita.

PREMIER LEAGUE

Illum: Tottenham v Burnley 1-0, Aston Villa v C’Palace 1-1, Leeds v Brighton 1-1, Watford v Leicester 1-5, West Ham v Man City 2-2, Wolves v Norwich 1-1, Everton v Brentford 2-3 Għada: Newcastle v Arsenal 9.00pm