Lokali

Mara titlef ħajjitha wara li waqgħet sular f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Marsa

Ritratt: Martin Agius

Mara minn Raħal Ġdid tilfet ħajjitha traġikament wara li waqgħet f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Marsa.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-2.15pm tal-Ħadd waranofsinhar fi Triq Azzopardi meta l-Pulizija ġew imsejħa b’urġenza fil-post fejn mill-ewwel stħarriġ jidher li l-vittma ta’ 64 sena għal xi raġuni waqgħet madwar sular għoli fis-sit.

Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi sabiex jassisti lill-mara, madanakollu sfortunatament, hija ġiet iċċertifikata li mietet fil-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li minnufih fetħet inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ, għadhom għaddejjin.