Futbol Sport

Rebħiet għal Milan u Inter… Is-Serie A se jkun deċiż fl-aħħar ġurnata

(Ritratt: EPA)

Aktar minn qabel Milan huma viċin li jirbħu l-Kampjonat tas-Serie A . Żewġ gowls fit-tieni taqsima kontra avversarju skomdu, kienu biżżejjed biex fi tmiem is-37 ġurnata saħħew posthom fl-ewwel post bi 83 punt. Id-difiża ta’ Atalanta żammet l-iskor intatt sal-ewwel 45 minuta. Fit-tieni taqsima, żdiedet il-pressjoni minn Milan li fil-57 minuta meritatament marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Rafael Leao kien JUNIOR MESSIAS li għeleb lil Juan Musso. Ebda reazzjoni denja minn Atalanta l-aktar wara li fil-75 minuta, Milan irduppjaw. Pass ta’ Rade Krunic lejn THEO HERNANDEZ li mill-ġdid għeleb lil Musso għat 2 – 0 u litteralment għalaq il-partita u l-25 rebħa tal-Kampjonat.

Rebħa li biha Inter żammew id-distakk ta’ żewġ punti taħt Milan sabiex kollox jibqa’ indeċiż bid-destin ikun magħruf fl-aħħar partita tal-Kampjonat. Fil-bżonn tat-tlett punti biex jibqgħu bit-tama għar-rebħ tal-Kampjonat sal-aħħar ġurnata, Inter fetħu fuq l-offensiva u wara ħdax il-minuta deher li fetħu l-iskor permezz ta’ Milan Skriniar. Daniele Doveri kkonsulta l-VAR u ma kkonsolidax il-gowl minħabba foul fl—istess azzjoni. Fil-25 minuta Inter marru fil-vantaġġ permezz ta’ MATTEO DARMIAN li minn cross ta’ Ivan Perisic għeleb lil Alessio Cragno. Fil-51 minuta minn azzjoni ta’ Nicolo Barella kien LAUTARO MARTINEZ li rdoppja għal Inter. Żewġ minuti wara Cagliari mill-ġdid fil-partita wara li CHARALAMBOS LYKOGIANNIS minn pass ta’ Marko Rog għeleb lil Samir Handanovic. Fl-84 minuta l-iskor sar 3 – 1 b’gowl ieħor ta’ LAUTARO MARTINEZ minn azzjoni ta’ Roberto Giagliardini.

SERIE A

Is-Sibt Empoli v Salernitana 1-1, Udinese v Spezia 2-3, Verona v Torino 0-1, Roma v Venezia 1-1 Ilbieraħ Bologna v Sassuolo 1-3, Napoli v Genoa 3-0, Milan v Atalanta 2-0, Cagliari v Inter 1-3 Illum Sampdoria v Fiorentina 6.30pm Juventus v Lazio 8.45pm