Internazzjonali

Stati Uniti: Jinvestigaw massakru f’supermarket li kien xprunat mill-mibgħeda razzjali

epa09947829 Two people hug near the scene of a mass shooting at the Tops Friendly Market grocery store in Buffalo, New York, USA, 14 May 2022. A gunman, who has been taken into custody by police, reportedly opened fire at the market killing as many as 10 people. EPA-EFE/BRANDON WATSON

L-Istati Uniti tinsab ixxukkjata bil-kbir dwar il-massakru ta’ mill-anqas għaxar persuni li sfaw maqtula minn raġel abjad ta’ 18-il sena li fetaħ in-nar għal fuqhom f’supermarket, fil-belt ta’ Buffalo ( fl-Istat ta’ New York).

Kollox jindika li l-attakk, kiesaħ u biered, kien immotivat mill-mibgħeda razzjali, fost indikazzjonijiet li l-aggressur għażel neighbourhood iddominat mill-Amerikani suwed biex iwettaq il-massakru.

Intant, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, u membri ewlenin oħra tal-Gvern Amerikan ma żammewx lura milli jikkundannaw l-isparatura bl-aktar termini qawwija. Dan meta l-awtoritajiet f’Buffalo qed jinvestigaw l-aħħar passi tal-aggressur li ċeda ruħu lill-pulizija wara li, għal ħin, deher li kien qed jaħsibha li jikkommetti suwiċidju fuq il-post.

L-aggressur, identifikat bħala Payton Gendron, beda l-azzjoni qattiela meta beda jispara fuq in-nies li nzertaw quddiemu fiz-zona tal-parkeġġ quddiem is-supermarket qabel daħal fil-kumpless u kompla bl-isparatura. L-aggressur kellu anki kamera li użaha biex jiġbed il-filmati tal-attakk bil-‘live streaming’,

Intant, l-Uffiċċju tal-FBI f’Buffalo qed jinvestiga l-isparatura bħala reat li kien xprunat mill-mibgħeda razzista, bil-kelliema jsostnu li ‘l-aggressur jidher li kellu antagoniżmu partikulari għall-komunità tas-suwed’.

L-istazzjon CBS news irrapporta li l-aggressur beda jgħajjat l-insulti razzisti waqt li kien qed jispara għan-nies. Hu minnu wkoll li, qabel l-attakk,  Payton Gendron kien bagħat ‘post’ fuq il-media soċjali li kien mimli bil-lingwaġġ u l-ideat razzisti.

L-awtoritjiet , fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li – minbarra l-mejtin – kien hemm ukoll il-midruba fl-attakk, bil-maġġoranza assoluta tal-vittmi jkunu suwed.

Meta l-pulizija konfrontaw lil Gendron, l-aggressur qabad u pponta l-arma tan-nar lejn għonqu iżda l-uffiċjali tal-liġi perswadewh biex ma jneħħix ħajtu u – wara minuti ta’ tensjoni kbira — huma rnexxielhom iżommuh taħt arrest. Payton Gendron, sigħat wara, iddaħħal il-qorti fejn tressqulu akkużi dwar omiċidju tal-ewwel grad.