Internazzjonali Lokali

26 persuna ilhom f’nofs ta’ baħar għal tliet ijiem sħaħ

26 persuna ilhom jiġġieldu għal ħajjithom f’nofs ta’ baħar għal dawn l-aħħar tliet ijiem fiz-zona ta’ tiftix u salvataġġ fl-ibħra Maltin.

L-Għaqda Mhux Governattiva ‘Alarm Phone’ qalet li dawn l-immigranti jinsabu mingħajr ikel u xorb filwaqt li jidher li dieħel l-ilma fid-dgħajsa li qegħdin fuqha.

‘Alarm Phone’ qed tappella lill-Gvern Malti sabiex jintervjeni u jsalva lil dawn l-immigranti mill-aktar fis, qabel ma jkun hemm aktar traġedji fil-baħar Mediterran.

B’kollox, nhar il-Ħadd, li għadda 58 persuna ġew salvati fiz-zona ta’ tiftix u salvatagg fl-ibhra Maltin. Dawn iddaħħlu Pozzallo, bl-NGO Sea-Eye tgħid li dan kien it-tmiem ta’ missjoni ta’ salvataġġ li matulha l-Gvern Malti naqas milli jaqdi dmiru.