Lokali

55 xahar mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

Fl-għeluq il-55 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, mill-ġdid ittellgħat vġili minn Repubblika quddiem il-Qorti fil-Belt Valletta. F’diskorsi li twasslu minn Rosette Thake, Angela  Callus, Therese Comodini Cachia u Manuel Delia tkompla jitwassal l-appell biex issir ġustizzja għal  Caruana Galizia.

Fid-diskors tagħha, Rosette Thake qalet li 4 snin u 7 xhur ilu għarafna li kellna verament napprezzaw kemm kellna bzonna lil Daphne Caruana Galizia ….u lil kull ġurnalist li kien joħroġ għonqu għall-verità.

Min-naħa tagħha Angela Callus tkellmet dwar ħajjet Daphne Caruana Galizia, dwar il-ħidma tagħha anki fuq aspett filantropiku …u kif kienet tahdem favur inizjattivi li jgħinu lin-nisa jiksbu aktar tagħlim, li jkunu finanzjarjament indipendenti u kif kienet taħdem għax-xogħol li jsir f’Dar Merħba Bik.

Therese Comodini Cachia fakkret illi hawn min jinsab fit-tmexxija ta’ pajjiżna, u li ghad għandu interess li jikkontrolla l-informazzjoni li toħroġ.

Hija qalet li l-ġlieda għall-ġustizzja għal dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia jeħtieġ li tissokta filwaqt li jeħtieġ ukoll li nrawmu soċjetà fejn tkun aċċetata l-opinjoni fid-diversità.

Manuel Delia minn naha tieghu qal li dawk li jridu l-poter għalihom jivvintaw ir-regoli biex isikktu lil min irid iservi lid-demokrazija u jipproteġi lill-Kostituzzjoni. Huwa appella lill-poplu biex jappoġġja dak li huwa sewwa  u qal li rridu niġġieldu għas-sewwa u biex issir ġustizzja. Manuel Delia fakkar li dak li ġara fil-Bidnija aktar minn 4 snin ilu ġara biex issiktu s-sewwa, u għalhekk jeħtieġ li dawk ta’ rieda tajba jkomplu l-ħidma li bdiet minn Daphne Caruana Galizia.