Futbol Sport

Draw bejn Juventus u Lazio… Telfa umiljanti għal Fiorentina

(Ritratt: EPA)

Minn vantaġġ doppju, Juventus temmew il-partita fi draw ta’ 2-2 b’Lazio bil—punt mirbuħ fetħu vantaġġ ta’ tlett punti fuq Roma u post garantit fil-UEFA Europa League. Wara biss 10 minuti, Juventus fetħu l-iskor permezz ta’ DUSAN VLAHOVIC li minn azzjoni ta’ Alvaro Morata għeleb lil Thomas Strakosha. Reazzjoni sterili minn Lazio l-aktar wara li fis-36 minuta, Juventus irduppjaw. Minn pass ta’ Juan Cuadrado kien ALVARO MORATA li għeleb lil Strakosha għat-2 – 0 . Lazio fetħu t-tieni taqsima fuq l-offensiva tant li fil-51 minuta naqqsu l-iskor permezz ta’ auto gowl ta’ ALEX SANDRO li minn corner ta’ Danilo Cataldi għeleb lil Mattia Perin. B’Lazio aktar fil-partita fis-sitt minuta ta’ ħin miżjud wara li Perrin salva fuq Toma Basic, SERGEJ MILINKOVIC SAVIC daħal għar-rebound biex għamel l-iskor 2 – 2

Telfa pjuttost umiljanti għal Fiorentina l-aktar wara li l-għan kien li jiksbu post fil-UEFA Europa League jew Conference League. Għal kuntrarju b’Sampdoria ċerti li staġun ieħor se jibqgħu fis-serie A, sellmu lil partitarji bl-aħjar mod possibbli. Fis-16 il-minuta, Sampdoria marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Antonio Candreva kien ALEX FERRARI li għeleb lil Pietro Terracciano. Ebda reazzjoni minn Fiorentina b’Sampdoria meritatament jirduppjaw.

Minn pass ta’ Abdelhamid Sabri kien il-veteran FABIO QUAGLIARELLA li mill-ġdid għeleb lil Terracciano. 2 – 0 fi tmiem l-ewwel taqsima. Kollox faċli għal Sampdoria fit-tieni taqsima. Fil-71 minuta minn azzjoni ta’ Candreva kien MORTEN THORSBY li għamel l-iskor 3 – 0 . Fl-84 minuta żdied l-iskor permezz ta’ ABDELHAMID SABIRI li minn azzjoni ta’ Francesco Caputo mill-ġdid għeleb lil Terracciano. Il-gowl ta’ konsolazzjoni għal Fiorentina wasal minn penalty skorjat minn NICOLAS GONZALEZ. Maurizio Mariani keċċa lil Omar Colley ta’ Sampdoria fl-94 minuta.