Internazzjonali

Eurovision: Sfuma pjan tal-hackers biex itellfu s-suċċess tal-Ukrajna

Qed jiżdiedu l-indikazzjonijiet li r-Russja, jiem ilu, ippruvat tagħmel minn kollox biex itellef lill-Ukrajna waqt il-Eurovision.

L-Ukrajna – permezz tal-kanzunetta Stefania tal-Kalush Orchestra – ittrijonfat grazzi għall-vot mill-pubbliku li esprima appoġġ u solidarjetà sħiħa mal-poplu Ukren li qed ibati l-agħar konsegwenzi tal-gwerra. U issa, il-pulizija fl-Italja, li organizzaw l-aħħar edizzjoni tal-konkors, qalu li numru ta’ hackers favur ir-Russja pruvaw iħarbtu l-proċessi tal-votazzjoni bil-ħsieb li jtellfu lill-Ukreni, li kienu l-favoriti netti anki minn qabel il-finali tal-Eurovision.

Ir-Russja – li wkoll rebħet il-Eurovision fil-passat –kienet ipprojbita milli tieħu sehem fil-konkors ta’ din is-sena minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna.

Intant, il-pulizija Taljana qalet li grupp ta’ hackers bl-isem Killnet ipprova jħarbat il-proċess tal-ewwel semi-finali tal-Eurovision, fejn il-Kalush Orchestra kienu qed jippreżentaw il-kanzunetta għall-ewwel darba.

L-istess hackers, imbagħad, għamlu li setgħu biex jostakolaw il-finali tas-Sibt iżda l-pjani tagħhom sfumaw wara li t-taqsima tal-pulizija għal kontra l-attakki ċibernetiċi rnexxielha twaqqaf l-attakki indirizzati lejn in-networks li jipproċessaw il-votazzjoni. Ingħad li l-hackers kienu qed jaħsbu wkoll biex jaffettwaw il-preżentazzjoni u l-interpretazzjoni tal-kanzunetti għad-detriment tal-Ukrajna.

Il-kanzunetta Stefania ġabet l-akbar numru ta’ voti mill-pubbliku li, flimkien mar-riżultati tal-ġuriji nazzjonali, aċċertawha mir-rebħa fil-Eurovision.

Fl-istess ħin, l-organizzaturi tal-Eurovision qalu li kien hemm ukoll waqtiet tal-votazzjoni irregolari fost il-ġuriji li kienu qed jirrappreżentaw lil sitt pajjiżi.

Dan ifisser li l-punteġġi tal-ġuriji inkwistjoni fit-tieni semi-finali u l-finali tal-konkors inbidlu ma’ riżultat ieħor ikkalkulat fuq bażi ta’ aggregate. Il-proċess kien ikkalkulat mill-organizzaturi tal-konkors li bbażaw fuq ir-riżultati ta’ pajjiżi oħrajn b’rekords tal-votazzjoni simili għall-pajjiżi inkwistjoni.