Parlament

Fil-Parlament tingħata tislima lil John Rizzo Naudi

Fil-Parlament it-Tnejn ingħatat tislima lil John Rizzo Naudi – il-politiku li ħadem bla nifs biex setgħu jinħolqu servizzi tas-Saħħa u l-Kura tal-Anzjani li qatt ma konna smajna bihom u għadhom jitgawdew sal-lum.

Huwa miet f’April li għadda fl-età ta’ 96 sena.

Fid-diskors tiegħu tul is-seduta Parlamentari tat-Tnejn il-Kap tal-PN Bernard Grech iddeskriva kif il-Professur Rizzo Naudi kien strumentali fil-qasam tal-anzjanita u kif ukoll tas-saħħa, speċjalment dak tal-infermiera. Huwa infatti kien l-ewwel Segretarju Parlamentari ddedikat speċifikament għall-Anzjani u taħt it-tmexxija tiegħu kien sar xogħol kbir biex tissaħħaħ il-ħidma f’dan is-settur tant importanti.

Il-Kap tal-PN tenna li Rizzo Naudi kien maħbub minn kulħadd, fejn id-diskors tiegħu kien anki jkun mirqum b’tonalità li ġġib l-ammirazzjoni minn bosta.

Kemm l-iSpeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia, u kif ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kellhom kliem ta’ tifħir għall-eks Deputat Nazzjonalista u semmew episodji fejn kellhom l-opportunità jaħdmu ma’ John Rizzo Naudi.

John Rizzo Naudi kien imwieled fl-Imsida f’Jum il-Milied tal-1925. Huwa kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-elezzjoni ġenerali tal-1976 u wara, fl-elezzjoni tal-1981.

Aktar tard, kien parti mill-ewwel żewġ Gvernijiet tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami wara l-elezzjonijiet tal-1987 u tal-1992, sal-1995 qabel ma serva wkoll bħala Kanċillier tal-Università ta’ Malta.

Hu kien miżżewweġ lil Lisette u kellhom tlett ulied: John, Joseph u Maria.