Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Ikomplu d-disfatti għall-militar tar-Russja, bil-qawwiet Ukreni jieħdu lura aktar territorji

L-Armati tar-Russja qed ikomplu jħabbtu wiċċhom mal-problemi u d-disfatti militari, meta l-invażjoni tal-Ukrajna, issa, daħlet fit-83 jum tagħha. Intant, is-sitwazzjoni tal-gwerra fil-belt ta’ Kharkiv u bnadi oħra lejn il-Grigal tal-Ukrajna nbidlet drastikament, tant li t-truppi Ukreni wettqu sensiela ta’ kontra-attakki effettivi (fil-madwar  ta’ Kharkiv)  fejn irnexxielhom anki jaslu qrib il-fruntiera tar-Russja.

Is-suċċess tant kien enfatiku li l-Ukreni tellgħu sinjal ġdid biex jimmarkaw il-fruntiera u li juri li t-territorju waqa’ f’idejhom mill-ġdid wara żmien okkupat mir-Russi. Dan waqt li qed jiċċirkulaw il-filmati tas-suldati Ukreni fl-artijiet tal-fruntiera mar-Russja – liema xena kienet maħsubha bħala xi ħaġa impossibbli ftit tal-ġimgħat ilu.

Dan l-iżvilupp simboliku qawwa bil-kbir il-moral tal-Ukreni iżda minkejja l-aħħar suċċessi militari, l-osservaturi qed jaqblu li l-periklu ma naqasx għal Kharkiv minħabba li l-militar Russu kapaċi jiftaħ offensiva ġdida fuq l-inħawi.

U għalkemm naqsu ħafna l-bumbardamenti tar-Russi fuq Kharkiv, dawn għadhom għaddejjin – bir-rapporti jirreferu għal ċivili Ukreni midruba fl-aħħar attakki.

Intant, is-sitwazzjoni f’Kharkiv u l-madwar qed tidher bħala ripetizzjoni tal-iżviluppi ta’ jiem ilu fejn il-qawwiet Ukreni komplew jieħdu lura artijiet fiz-zoni lejn il-grigal tal-Ukrajna. Dan waqt li l-Armati Russi qed jikkonċentraw fuq l-offensiva ġdida fir-reġjun tad-Donbas, lejn il-lvant tal-Ukrajna u fejn jidher li l-kampanja militari tagħhom staġnat fost ir-reżistenza qalbiena mid-diversi battaljuni Ukreni skjerati fl-inħawi.

Madankollu, l-Armata Ukrena għadha mhix f’pożizzjoni li tolqot ir-rotot minfejn qed jgħaddu l-provvisti lir-Russi u li jinsabu fl-aktar zoni mbiegħdin lejn l-Ukrajna tal-Lvant. Dan ukoll meta qed ikomplu l-battalji ħorox bejn is-suldati Ukreni u l-militar Russu f’Luhansk u bnadi oħra tad-Donbas.