Internazzjonali

Il-Gwerra tal-Ukrajna: Jens Stoltenberg jemmen fit-trijonf tal-Ukreni

Jens Stoltenberg

Is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal ċar u tond li l-Ukrajna kapaċi tirbaħ din il-gwerrra peress li l-invażjoni mhix qed timxi skont il-pjan tal-President Russu, Vladimir Putin.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Prim Ministru tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, kienet qed tħejji għal sessjoni fil-Parlament ta’ Stokkolma bil-ħsieb li taċċerta mill-appoġġ għall-isħubija eventwali ta’ pajjiżha fl-Alleanza tan-NATO.

Il-proċess jidher qed jirranka wara li l-Finlandja – il-ġar Skandinav — ukoll ikkonfermat li qed tħares lejn il-futur bħala membru tal-Alleanza.

Fl-istess ħin, għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għal waħda mill-akbar eżerċizzji militari qatt organizzati min-NATO fir-reġjun tal-Baltiċi viċin tar-Russja, L-eżerċizzji se jsiru fl-Estonja u l-Latvja – eks-repubbliċi Sovjetiċi li llum huma membri tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea — b’dan l-iżvilupp mistenni li jqanqal reazzjoni oħra rabbjuża min-naħa tal-Kremlin.