Lokali Parlament

Il-poplu Malti m’għandux idawwar wiċċu quddiem l-invażjoni Russa fl-Ukrajina

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li l-poplu Malti m’għandux idawwar wiċċu quddiem l-invażjoni Russa fl-Ukrajina.

Fil-parlament Ryan Callus qal li hu se jkun il-vuċi ta’ min m’għandu u sellem lill-ex kunsillier f’Ħal Luqa Victor Caruana. Hu tratta l-gwerra li bdiet ir-Russja fuq l-Ukarjina u qal li Malta hi pajjiż newtrali iżda n-newtralità ma tfissirx li Malta tibqa’ siekta quddiem il-ħruxijiet li qed jitwettqu fuq il-poplu Ukren.

Id-deputat Nazzjonalista qal li ċ-ċittadini Ukreni qed jinqatlu mir-Russi u sostna li s-soċjetà Maltija m’għandhiex tkun waħda li jimpurtaha minnha biss.

Ryan Callus kompla li s-soċjetà Maltija ma tistax iddawwar wiċċha u kompla li d-deputati kollha għandhom vuċi fil-parlament. Ejja ma nistaħbewx wara l-kunċett tan-newtralità quddiem din l-inġustizzja u kefrija, sostna Ryan Callus, li kompla li din il-gwerra se jkollha impatt fuq l-enerġija u fuq l-ikel. Din hi opportunità li l-pajjiż jinvesti f’enerġija nadifa u joħloq xogħol għaż-żgħażagħ.

Ryan Callus qal li eluf taż-żgħażagħ għażlu li ma jivvutawx fl-elezzjoni ġenerali għaddiet u kompla li l-pajjiż għandu sfida tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. Il-politika fl-infrastruttura m’għandiex teqred l-ambjent anzi ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.

Il-Gvern ħandu jikkunsidra l-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi biex ma tinqeridx art agrikola u jikkunsidra proposta ta’ proġett taħt l-art fil-by-pass tal-Imrieħel. Ryan Callus appella għal proġetti ta’ parkeġġi taħt l-art fil-lokalitajiet u biex ikun hemm inizjattivi li jnaqqsu l-bżonn ta’ parkeġġ.