Lokali Qorti

Imħallef jikkritka deċiżjoni ta’ Qorti li laqgħet referenza kostituzzjonali fuq interogazzjoni mingħajr interpretu

Imħallef ikkritika d-deċiżjoni ta’ Qorti li tilqa’ referenza Kostituzzjonali li saret fil-każ ta’ Libjan li ġie interrogat mingħajr interpretu preżenti, u bagħtet il-każ lura fil-Qorti tal-Maġistrati biex l-ewwel tisma’ x-xhieda dwar jekk kienx jitkellem bil-Malti jew le.

Miloud Elforjani, ta’ 40 sena, tressaq il-Qorti fl-2019, akkużat li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ min kien iħaddmu, u qal lill-pulizija li kien irrikorri għal dan wara li ma tħallasx għax-xogħol tiegħu. Waqt l-arrest tiegħu, Elforjani, li dak iż-żmien kien residenti legali f’Malta għal erba’ snin, kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi li kkawża €4,620 f’danni fil-karozzi ta’ min iħaddmu.

Elforjani kien iffirma diversi stqarrijiet miktuba bil-Malti, fosthom dikjarazzjoni li fehem il-lingwa u oħra li rrifjuta l-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Peress li l-Libjan ma kienx assistit minn interpretu waqt l-interrogazzjoni tiegħu, l-avukat tieg]u Daniel Attard aktar tard kien ippreżenta rikors fejn talab referenza kostituzzjonali f’Ottubru 2021, fejn argumenta li d-drittijiet tar-raġel kienu nkisru b’dan il-fatt.

Fi Frar li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali ppreseduta mill-maġistrat Caroline Farrugia Frendo kienet laqgħet it-talba u rreferiet il-kwistjoni lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha. L-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat kienu kkritikaw il-mod kif ġiet abbozzata r-referenza, billi sostnew li ssemmi artiklu tal-Kostituzzjoni li ma kienx applikabbli għall-każ.

L-Imħallef Christian Falzon Scerri ta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwistjoni meta t-Tnejn issejjeħ il-każ. F’sentenza li tiċċita każistika lokali, tal-UE u tar-Renju Unit li tittratta sitwazzjonijiet simili, l-imħallef ikkritika lill-Qorti tal-Maġistrati bħala li kienet għaġġla wisq biex tilqa’ t-talba tad-difiża għal referenza Kostituzzjonali.

“Żgur u mhux forsi, l-allegazzjoni tal-avukat ta’ Miloud Elforjani waħdu li saret fit-talba tiegħu għal referenza Kostituzzjonali mhijiex prova fiha nnifisha li Elforjani ma jitkellimx jew ma jifhimx il-Malti. Għalhekk hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkunsidra, wara li semgħet il-provi, jekk Elforjani kienx kapaċi jitkellem jew jifhem il-Malti fil-ħin tal-interrogazzjoni tiegħu.”

L-Imħallef iddeċieda li jekk ir-raġel kien kapaċi jikkomunika bil-Malti dak iż-żmien, ma kienx hemm ksur tad-drittijiet tiegħu u jekk ma kienx, jista’ jkun hemm ksur. Il-każ intbagħat lura fil-qorti inferjuri biex, wara li semgħet ix-xhieda, tiddeċiedi jekk Elforjani kienx kapaċi jifhem il-Malti jew le fil-ħin tal-interrogazzjoni tiegħu.

L-Imħallef ma ordnax lill-partijiet iħallsu l-ispejjeż tal-kawża, filwaqt li rrimarka li l-qorti ma kellhiex tilqa’ r-referenza Kostituzzjonali mingħajr ma qabel aċċertat jekk ir-raġel jistax jitkellem il-lingwa jew le. L-Avukat Daniel Attard irrappreżenta lil Elforjani.